Fdalijiet Arkeoloġiċi ta' Moenjodaro

Veduta tal-fdalijiet bl-istupa ewlenija fl-isfond.

Il-Fdalijiet Arkeoloġiċi ta' Moenjodaro, spelluta wkoll Mohenjo-daro (/moʊˌhɛndʒoʊ ˈdɑːroʊ/; bis-Sindhi: موهن جو دڙو‎, li litteralment tfisser "Tumbata tal-Irġiel Mejtin"; bl-Urdu: موئن جو دڑو [muˑənⁱ dʑoˑ d̪əɽoˑ]), huma sit arkeoloġiku li jinsab fid-Distrett ta' Larkana District, Sindh, il-Pakistan. Dawn il-fdalijiet inbnew għall-ħabta tal-2500 Q.K., kienu wieħed mill-ikbar insedjamenti taċ-ċivilizzazzjoni tal-qedem fil-Wied ta' Indus, u waħda mill-bliet bikrin ewlenin tad-dinja, tal-istess żmien taċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Eġittu tal-qedem, tal-Mesopotamja, ta' Kreta fi żmien il-Minojċi, u tat-Tramuntana ta' Chico.

Huwa stmat li l-popolazzjoni ta' Moenjodaro kienet tlaħħaq mill-inqas 40,000 ruħ, u stagħnat għal diversi sekli, iżda għall-ħabta tal-1700 Q.K. ġiet abbandunata, flimkien ma' bliet kbar oħra taċ-ċivilizzazzjoni tal-Wied ta' Indus.

Is-sit ġie skopert mill-ġdid fis-snin 20 tas-seklu 20. Minn dak iż-żmien 'l hawn saru skavi sinifikanti fis-sit tal-belt u dan tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980 bħala l-ewwel sit min-Nofsinhar tal-Asja. Attwalment is-sit huwa mhedded mill-erożjoni u minn restawr mhux xieraq.

L-isem oriġinali tal-belt mhux magħruf. Abbażi tal-analiżi tiegħu dwar siġill ta' Mohenjo-daro, Iravatham Mahadevan jispekula li l-isem tal-belt tal-qedem seta' kien Kukkuṭārma ("il-belt [-rma] tas-serduq [kukkuta]"). Il-ġlied tas-sriedaq jaf kellu importanza ritwali u reliġjuża għall-belt. Minn Mohenjo-daro jaf ukoll infirex it-tip ta' tiġieġ iddomestikat li issa jinsab fl-Afrika, fil-Punent tal-Asja, fl-Ewropa u fl-Amerki.

Mohenjo-daro, l-isem modern tas-sit, ġie interpretat bħala t-"Tumbata tal-Mejtin" bis-Sindhi.

Pożizzjoni

Il-fdalijiet ta' Mohenjo-daro jinsab max-xatt tal-lemin (Punent) tal-part t'isfel tax-xmara Indus fid-Distrett ta' Larkana, Sindh, il-Pakistan. Jinsabu fuq fondoq tal-Plejstoċen fil-pjanura tal-għargħar tax-xmara Indus, madwar 28 kilometru (17-il mil) mir-raħal ta' Larkana.

Kuntest storiku

Mappa li turi s-siti ewlenin u l-kobor teoriku taċ-ċivilizzazzjoni tal-Wied ta' Indus, inkluż il-pożizzjoni tas-sit ta' Moenjodaro.

Il-belt ta' Mohenjo-daro nbniet fis-seklu 26 Q.K. Kienet waħda mill-ikbar bliet taċ-ċivilizzazzjoni tal-qedem tal-Wied ta' Indus, magħrufa wkoll bħala ċ-ċivilizzazzjoni ta' Harappa, li żviluppat għall-ħabta tat-3000 Q.K. mill-kultura preistorika tal-Wied ta' Indus. Fil-quċċata tagħha, iċ-ċivilizzazzjoni tal-Wied ta' Indus kienet tkopri l-biċċa l-kbira ta' dak li llum huwa l-Pakistan u t-Tramuntana tal-Indja, u kienet tibqa' sejra lejn il-Punent sal-fruntiera Iranjana, lejn in-Nofsinhar sa Gujarat fl-Indja u lejn it-Tramuntana sa postazzjoni f'Bactria, b'ċentri urbani ewlenin f'Harappa, f'Mohenjo-daro, f'Lothal, f'Kalibangan, f'Dholavira u f'Rakhigarhi. Mohenjo-daro kienet l-iżjed belt avvanzata fi żmienha, b'ippjanar urban u b'inġinerija ċivili tassew sofistikati. Meta ċ-ċivilizzazzjoni tal-Wied ta' Indus f'daqqa waħda qabdet it-triq tan-niżla għall-ħabta tal-1900 Q.K., Mohenjo-daro ġiet abbandunata.

Skoperta mill-ġdid u skavi

L-iskavi f'Mohenjo-daro fl-1924.

Il-fdalijiet tal-belt baqgħu mhux dokumentati għal madwar 3,700 sena sa ma R. D. Banerji, uffiċjal tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja, żar is-sit fl-1919–1920 u identifika dak li hu ħaseb li kienet stupa Buddista (150–500 W.K.) li kienet magħrufa u sab barraxa taż-żnied li kkonvinċietu li s-sit kien tal-qedem. Dan wassal għal skavi fuq skala kbira f'Mohenjo-daro mmexxija minn K. N. Dikshit fl-1924–1925, u minn John Marshall fl-1925–1926. Fis-snin 30 tas-seklu 20 saru skavi ewlenin fis-sit taħt it-tmexxija ta' Marshall, D. K. Dikshitar u Ernest Mackay. Iktar skavi twettqu fl-1945 minn Mortimer Wheeler u l-apprendisti tiegħu, Ahmad Hasan Dani u F. A. Khan. L-iżjed sensiela ewlenija ta' skavi saret fl-1964 u fl-1965 minn George F. Dales. Wara l-1965, l-iskavi ġew ipprojbiti minħabba l-ħsara tal-erożjoni mill-elementi fuq l-istrutturi mikxufa, u l-unika proġetti li tħallew fis-sit minn dak iż-żmien kienu skavi ta' tisħiħ, stħarriġiet tal-wiċċ u proġetti ta' konservazzjoni. Fis-snin 80 tas-seklu 20, gruppi Ġermaniżi u Taljani ta' stħarriġ immexxija minn Michael Jansen u minn Maurizio Tosi użaw tekniki arkeoloġiċi inqas invażivi, bħad-dokumentazzjoni arkitettonika, stħarriġiet tal-wiċċ u tfitxijiet lokalizzati, biex jiġbru iktar tagħrif dwar Mohenjo-daro. Tħaffir ta' kampjun niexef li twettaq fl-2015 mill-Fond Nazzjonali tal-Pakistan għal Mohenjo-daro żvela li s-sit huwa ferm ikbar miż-żona skavata.

Arkitettura u infrastruttura urbana

Ir-regolarità tat-toroq u tal-binjiet tissuġġerixxi l-influwenza ta' ppjanar urban tal-qedem fil-kostruzzjoni ta' Mohenjo-daro.

Il-sit ta' Mohenjo-daro għandu konfigurazzjoni ppjanata b'ringieli dritti ta' binjiet bi pjanta qisha grilja. Il-biċċa l-kbira nbnew bil-brikks moħmijin u bit-tkaħħil; uħud kienu jinkorporaw tajn u ħuxlief imnixxfa fix-xemx u sovrastrutturi tal-injam. Huwa stmat li l-fdalijiet ta' Mohenjo-daro jkopru erja ta' 300 ettaru. L-ogħla popolazzjoni skont l-Oxford Handbook of Cities in World History hija pjuttost "batuta" u huwa stmat li kien tlaħħaq madwar 40,000 ruħ.

Id-daqs kbir tal-belt, u l-għadd ta' binjiet u faċilitajiet pubbliċi tagħha, jissuġġerixxu livell għoli ta' organizzazzjoni soċjali. Il-belt hija maqsuma f'żewġ partijiet, l-hekk imsejħa Ċittadella u l-Belt iktar 'l isfel. Huwa magħruf li ċ-Ċittadella – tumbata magħmula bil-brikks tat-tajn għolja madwar 12-il metru (39 pied) – kellha banjijiet pubbliċi, struttura residenzjali kbira maħsuba biex tospita madwar 5,000 ċittadin, u żewġ swali kbar fejn jinġemgħu n-nies. Il-belt kellha suq ċentrali, b'bir kbir ċentrali. L-abitazzjonijiet individwali jew il-gruppi ta' abitazzjonijiet kienu jiksbu l-ilma tagħhom minn bjar iżgħar. L-ilma mormi kien jgħaddi minn ġo kanali lejn drenaġġi mgħottija bi dritt it-toroq ewlenin. Xi djar, x'aktarx tal-iżjed abitanti prestiġjużi, kienu jinkludu kmamar li milli jidher kienu mwarrba għall-għawm, u binja partikolari kellha forn taħt l-art, x'aktarx għall-għawm f'ilma msaħħan. Il-biċċa l-kbira tad-djar kellhom btieħi interni, b'bibien li kienu jagħtu għal trejqiet laterali. Xi binjiet kien għoljin żewġ sulari.

Binjiet ewlenin

Veduta tal-Banju l-Kbir tas-sit, bil-konfigurazzjoni urbana fil-madwar.
Il-Banju l-Kbir.

Fl-1950, Sir Mortimer Wheeler identifika binja kbira f'Mohenjo-daro bħala "Foss Kbir taċ-Ċereali". Ċerti ħitan diviżorji fis-sovrastruttura enormi tal-injam tagħha donnhom kienu postijiet fejn kienu jinħażnu ċ-ċereali, kompluti b'xaftijiet tal-arja biex iċ-ċereali jitnixxfu. Skont Wheeler, iċ-ċereali kienu jiġu ttrasportati permezz ta' xi karrettuni mill-kampanja u kienu jinħattu direttament fl-imħażen. Madankollu, Jonathan Mark Kenoyer innota n-nuqqas ta' evidenza ta' ċereali fil-"foss il-kbir taċ-ċereali", li skontu kien jagħmel iktar sens li jissejjaħ "Sala Kbira" b'funzjoni mhux magħrufa. Qrib il-"Foss il-Kbir taċ-Ċereali" hemm banju pubbliku kbir u elaborat, li xi kultant jissejjaħ bħala l-Banju Kbir. Minn bitħa bil-kolonni, taraġ jagħti 'l isfel lejn pixxina tal-brikks, li kienet impermeabbli bis-saħħa ta' kisja qatran. Il-pixxina twila 12-il metru (39 pied), wiesgħa 7 metri (23 pied) u fonda 2.4 metri (7.9 piedi). Jaf kienet tintuża għall-purifikazzjoni reliġjuża. Fost il-binjiet kbar l-oħra hemm "Sala bil-Pilastri", li huwa maħsub li kienet sala fejn jinġemgħu n-nies, u l-hekk imsejħa "Sala tal-Kulleġġ", kumpless ta' binjiet b'total ta' 78 kamra, li huwa maħsub li kien residenza tal-patrijiet.

Fortifikazzjonijiet

Il-belt ta' Mohenjo-daro ma kellhiex swar, iżda kienet iffortifikata b'torrijiet tal-għassa lejn il-Punent tal-insedjament prinċipali, u b'fortifikazzjonijiet difensivi lejn in-Nofsinhar. Meta wieħed iqis dawn il-fortifikazzjonijiet u l-istruttura ta' bliet ewlenin oħra tal-Wied ta' Indus bħal Harappa, jingħad li Mohenjo-daro x'aktarx li kienet ċentru amministrattiv. Kemm Harappa kif ukoll Mohenjo-daro għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess konfigurazzjoni arkitettonika, u ġeneralment ma kinux iffortifikati ħafna bħal siti oħra fil-Wied ta' Indus. Huwa ċar mill-konfigurazzjonijiet identiċi tal-bliet fil-Wied ta' Indus, li kien hemm xi tip ta' ċentralità amministrattiva jew politika, iżda kif kien jiffunzjona dan iċ-ċentru amministrattiv mhuwiex ċar.

Provvista tal-ilma u bjar

L-iskavi tal-belt żvelaw bjar b'ħitan għoljin ħafna (xellug), li milli jidher baqgħu jinbnew dejjem iktar fl-għoli minħabba li l-għargħar u l-kostruzzjoni mill-ġdid żiedu l-elevazzjoni tal-livell tat-toroq.

Is-sit ta' Mohenjo-daro nbena fi żmien relattivament qasir, u s-sistema tal-provvista tal-ilma u l-bjar kienu fost l-ewwel kostruzzjonijiet ippjanati. Bl-iskavi li saru sa issa, instabu iktar minn 700 bir f'Mohenjo-daro, flimkien ma' sistemi tad-drenaġġ u tal-banjijiet. Dan l-għadd huwa bla preċedent meta mqabbel ma' ċivilizzazzjonijiet oħra tal-istess żmien, bħall-Eġittu tal-qedem jew il-Mesopotamja, u l-kwantità ta' bjar tammonta għal bir kull tlett idjar. Minħabba l-għadd kbir ta' bjar, huwa maħsub li l-abitanti kienu jiddependu biss fuq ix-xita annwali, kif ukoll fuq ix-xmara Indus qrib is-sit. Barra minn hekk, il-bjar setgħu jipprovdu l-ilma għal perjodi twal f'każ li l-belt kienet tiġi assedjata. Minħabba l-perjodu li fih dawn il-bjar inbnew u ntużaw, x'aktarx li d-disinn ta' bir ċirkolari tal-brikks li ntuża f'dan is-sit u f'siti oħra ta' Harappa huwa invenzjoni li għandha tiġi akkreditata liċ-ċivilizzazzjoni tal-Wied ta' Indus, peress li ma teżisti l-ebda evidenza li dan id-disinn ġie mill-Mesopotamja jew mill-Eġittu tal-qedem. Id-dranaġġ u l-ilma mormi mill-binjiet tas-sit kienu jintremew permezz ta' sistema ċentralizzata tad-drenaġġ taħt l-art tul it-toroq tas-sit. Dawn id-drenaġġi kienu effettivi għaliex x'aktarx li d-dranaġġ u l-ilma mormi kien jibqa' sejjer lejn ix-xmara Indus.

Għargħar u rikostruzzjoni

Il-belt kellha wkoll pjattaformi kbar li x'aktarx kienu maħsuba bħala difiża mill-għargħar. Skont teorija li tressqet għall-ewwel darba minn Wheeler, il-belt jaf ġiet mgħerrqa mill-għargħar u ntradmet bid-depożiti x'aktarx xi sitt darbiet, u iktar 'il quddiem reġgħet inbniet fl-istess pożizzjoni. Għal xi arkeologi, xi għargħar finali li għerreq il-belt f'baħar ta' tajn wassal biex is-sit jiġi abbandunat. Gregory Possehl kien l-ewwel wieħed li ħareġ bit-teorija li l-għargħar ġie ikkawżat mill-użu eċċessiv tal-art u mit-tkabbir fuqha, u li l-għargħar kbir bit-tajn ta' darba ma kienx ir-raġuni għalfejn is-sit ġie abbandunat. Minflok, Possehl xtarr il-possibbiltà li s-sit jaf ġie abbandunat minħabba diversi għargħar kostanti ta' daqs żgħir matul is-sena, flimkien man-nuqqas ta' rendiment tal-art li kienet sfruttata bl-għelejjel u bir-ragħa, u n-nuqqas ta' riżorsi għall-brikks u għall-bċejjeċ tal-fuħħar.

Artefatti notevoli

Dgħajsa li kienet tuża l-għasafar biex jindikaw id-direzzjoni tal-art. Mudell ta' siġill ta' Mohenjo-Daro, 2500-1750 Q.K.

Fost l-oġġetti li nstabu matul l-iskavi hemm figuri bilqiegħda u bilwieqfa, għodod tar-ram u tal-ġebel, siġilli mnaqqxin, imwieżen u piżijiet tal-użin, ġojjellerija tad-deheb u tad-djaspru, u ġugarelli tat-tfal. Bosta bċejjeċ tal-bronż u tar-ram, bħal figurini u skutelli, ġew irkuprati mis-sit, u dawn juru li l-abitanti ta' Mohenjo-daro kien jafu kif jużaw it-teknika mitlufa tax-xama'. Il-fran li nstabu fis-sit x'aktarx li kienu jintużaw għall-produzzjoni tar-ram u għat-tidwib tal-metalli. Milli jidher hemm ukoll sezzjoni sħiħa tal-belt li kienet iddedikata għax-xogħol bil-qxur tal-baħar, li tinsab fin-naħa tal-Grigal tas-sit. Fost l-iżjed opri tar-ram prominenti li ġew irkuprati mis-sit hemm it-tavli tar-ram li fihom eżempji ta' kitba mhux tradotta u ikonografija tal-Wied ta' Indus. Filwaqt li l-kitba għadha ma ġietx iddeċifrata, bosta mix-xbihat ta' fuq it-tavli jaqblu ma' dawk ta' tavla oħra u t-tnejn li huma għandhom l-istess didaskalija bil-lingwa tal-Wied ta' Indus.

Mis-sit ġew irkuprati wkoll bosta bċejjeċ tal-fuħħar u tat-terrakotta, kif ukoll bosta reċipjenti b'depożiti tal-irmied ġo fihom. Dan wassal biex l-arkeologi jemmnu li kienu jintużaw biex iżommu fihom l-irmied ta' persuna kremata jew bħal mod ta' tisħin tad-djar. Dawn il-braċieri jew dan tagħmir tat-tisħin, ġew interpretati wkoll bħala utensili li kienu jintużaw għat-tisjir.

Inizjalment is-sejbiet minn Mohenjo-daro ġew iddepożitati fil-Mużew ta' Lahore, iżda iktar 'il quddiem tressqu lejn is-sede tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja f'New Delhi, fejn kien qed jiġi ppjanat "Mużew Imperjali Ċentrali" ġdid għall-belt kapitali l-ġdida tar-Raj Brittaniku, li fih kellha tintwera mill-inqas selezzjoni tas-sejbiet. Beda jinħass li l-indipendenza Indjana kienet qiegħda wara l-bieb, iżda l-Partizzjoni tal-Indja ma kinitx ġiet antiċipata qabel tard sew fil-proċess. L-awtoritajiet ġodda tal-Pakistan talbu r-ritorn tal-oġġetti ta' Harappa li ġew skavati fit-territorju tagħhom, iżda l-awtoritajiet Indjani rrifjutaw. Eventwalment intlaħaq qbil li permezz tiegħu s-sejbiet, li kienu jammontaw għal xi 12,000 oġġett (il-biċċa l-kbira bċejjeċ tal-fuħħar), ġew maqsuma b'mod indaqs bejn iż-żewġ pajjiż; f'xi każijiet dan ittieħed b'mod litterali ħafna, u saħansitra xi ġiżirajjen u panċieri ġew maqsumin f'żewġ lottijiet skont l-ammont ta' żibeġ li kellhom. Fil-każ tal-"iżjed żewġ skulturi famużi", il-Pakistan talab li jingħata l-Patri-Re u dan ġie aċċettat, filwaqt li l-Indja żammet iż-Żeffiena ferm iżgħar kif ukoll is-siġill ta' Pashupati.

Il-biċċa l-kbira tal-oġġetti minn Mohenjo-daro li nżammu mill-Indja jinsabu fil-Mużew Nazzjonali tal-Indja f'New Delhi u dawk li ġew irritornati lill-Pakistan jinsabu fil-Mużew Nazzjonali tal-Pakistan f'Karachi, u bosta jinsabu wkoll fil-mużew li ġie stabbilit f'Mohenjo-daro stess. Fl-1939, grupp rappreżentattiv żgħir ta' artefatti li ġew skavati fis-sit ġie ittrasferit lejn il-Mużew Brittaniku mid-Direttur Ġenerali tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja.

Idolu tal-Alla Omm

L-Idolu tal-Alla Omm.

L-idolu ġie skopert minn John Marshall fl-1931 u donnu għandu ċerti karatteristiċi simili għat-twemmin tal-Alla Omm tant komuni f'bosta ċivilizzazzjonijiet bikrin tal-Lvant Qarib. Xi skulturi u figurini ta' nisa ġew meqjusa bħala parti mill-kultura u mir-reliġjon ta' Harappa, speċjalment diversi bċejjeċ bi xbihat femminili li ġew irkuprati mill-iskavi arkeoloġiċi ta' Marshall. Dawn ix-xbihat ma ġewx ikkategorizzati sew, skont Marshall, li jfisser li mhuwiex ċar minn fejn ġew irkuprati fis-sit. Waħda minn dawn il-figuri hija għolja 18.7-il ċentimetru u attwalment tinsab għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali tal-Pakistan, f'Karachi. L-aspetti tal-fertilità u tal-maternità għall-wiri permezz tal-idoli huma rrappreżentati mill-ġenitali femminili li kważi huma ppreżentati bi stil eżaġerat kif jisħaq Marshall, u fil-fatt huwa jsostni li dawn il-figurini huma offerti lil divinità femminili, kuntrarjament għall-fehim tipiku li huma idoli li jirrappreżentaw lil xi divinità. Minħabba li l-figurini huma uniċi bħala stil ta' xagħar, proporzjonijiet tal-ġisem, kif ukoll xedd ir-ras u ġojjellerija, jeżistu teoriji dwar x'jirrappreżentaw effettivament. Shereen Ratnagar ħarġet bit-teorija li minħabba kemm huma uniċi u kemm kienu mifruxa madwar is-sit, jaf kienu figurini ta' nisa ordinarji tad-dar, li kkummissjonaw dawn il-bċejjeċ biex jintużaw għalihom f'xi ritwali jew ċerimonji ta' fejqan.

Żeffiena

Iż-Żeffiena.

Statwetta tal-bronż imlaqqma bħala ż-"Żeffiena", għolja 10.5 ċentimetri (4.1 pulzieri) u li għandha madwar 4,500 sena, instabet fiż-"żona HR" ta' Mohenjo-daro fl-1926; issa tinsab fil-Mużew Nazzjonali ta' New Delhi.[1] Fl-1973, l-arkeologu Brittaniku Mortimer Wheeler iddeskriviha bħala l-iżjed statwetta ppreferuta tiegħu:

Ikolli ngħid għandha xi ħmistax-il sena, mhux iktar, iżda tintwera bilwieqfa biċ-ċappetti fuq dirgħajha kważi sa spallitha u mhi liebsa xejn iktar. Tfajla, li għal dak il-mument, tidher tassew kunfidenti fiha nnifisha. Naħseb li fid-dinja ma jeżisti xejn bħalha.

John Marshall, arkeologu ieħor li ħadem f'Mohenjo-daro, iddeskriva l-figura bħala "tfajla tippoża b'idha fuq qaddha, u b'riġlejha ħarira 'l quddiem filwaqt li tidher qed iżżomm mar-ritmu tal-mużika b'riġlejha u b'saqajha". L-arkeologu Gregory Possehl fir-rigward tal-istatwetta qal, "Ma nistgħux inkunu ċerti li kienet żeffiena, iżda kienet tajba f'dak li kienet tagħmel u dan kienet tafu". L-istatwa wasslet għal żewġ skoperti importanti dwar iċ-ċivilizzazzjoni: l-ewwel nett, kienu midħla tat-tgħawwiġ tal-metall, tal-ikkastjar u ta' metodi sofistikati oħra kif jinħadmu l-minerali, u t-tieni li d-divertiment, speċjalment iż-żfin, kien parti mill-kultura.

Patri-Re

Il-Patri-Re, skultura tal-ġebel ta' raġel bilqiegħda fil-Mużew Nazzjonali ta' Karachi.

Fl-1927, figura tal-isteatit ta' raġel bilqiegħda nstabet f'binja b'xogħol ornamentali mhux tas-soltu tal-brikks u b'niċċa fil-ħajt. Għalkemm ma hemm l-ebda evidenza li l-patrijiet jew il-monarki kellhom xi rwol ta' mexxej f'Mohenjo-daro, l-arkeologi laqqmu din il-figura bħala l-"Patri-Re". L-iskultura hija għolja 17.5-il ċentimetru (6.9 pulzieri), u turi raġel b'daqna pulita u b'widnejh imtaqqbin u ħajta madwar rasu, x'aktarx kulma fadal minn stil ta' xagħar jew xedd ir-ras elaborat; xagħru huwa ppetnat lura. Huwa jidher liebes brazzuletta, mant imnaqqax bit-trifolji, u b'motivi ta' ċrieki uniċi u doppji, bi traċċi ta' żebgħa ħamra. Għajnejh oriġinarjament jaf kienu ingastati b'xi ħaġar prezzjuż.

Siġill ta' Pashupati

Siġill li ġie skopert fis-sit juri x-xbieha ta' persuna bilqiegħda, b'riġlejha f'xulxin u possibbilment itifallika, imdawra bl-annimali. Il-figura ġiet interpretata minn xi studjużi bħala xi yogi, u minn xi oħrajn bħala "proto-Xiva" bi tlett irjus bħala s-"Sinjur tal-Annimali".

Ġiżirana b'seba' ħajtiet

Is-siġill ta' Pashupati.

Sir Mortimer Wheeler baqa' tassew mistagħġeb b'dan l-artefatt, li skontu kien ta' mill-inqas 4,500 sena ilu. Il-ġiżirana għandha qafla b'għamla tal-ittra S b'seba' ħajtiet, kull waħda itwal minn 4 piedi, b'biċċiet qishom żibeġ tal-bronż li jikkollegaw kull parti tal-ittra S bil-filugran. Kull ħajta fiha bejn 220 u 230 biċċa b'diversi wċuħ, u b'kollox hemm madwar 1,600 biċċa. Il-ġiżirana tiżen madwar 250 gramma b'kollox, u attwalment tagħmel parti minn kollezzjoni privata fl-Indja.

Riga ta' Moenjodaro

Iċ-ċivilizzazzjoni tal-Wied ta' Indus kienet tuża rigi tal-avorju għall-kejl għall-ħabta tal-1500 Q.K. Ir-riga ta' Moenjodaro kienet maqsuma f'unitajiet li jikkorrispondu għal 34 millimetru (1.32 pulzier) u dawn kienu mmarkati wkoll b'suddiviżjonijiet deċimali bi preċiżjoni kbira, saħansitra sa 0.13 millimetri (0.005 pulzieri). Riga li nstabet f'Lothal (2400 Q.K.) kienet ikkalibrata għal madwar 1.6 millimetru (116 ta' pulzier). Is-suddiviżjoni deċimali fuq ir-riga hija notevoli, peress li nħolqot qabel is-sistema metrika moderna b'3,000 sena jew iktar. L-unità bażi li kienet tintuża kienet magħrufa bħala l-angula (saba') u kienet madwar 17-il millimetru. Biċċa qoxra tal-baħar li nstabet waqt l-iskavi ta' Mackay hija inċiża bi preċiżjoni kbira b'linji spazjati 6.7 millimetri (0.264 pulzieri) minn xulxin. Brikks tal-qedem li nstabu madwar ir-reġjun kollu fihom dimensjonijiet li jikkorrispondu ma' dawn l-unitajiet.

Konservazzjoni u qagħda attwali

Fis-27 ta' Mejju 1980 intlaħaq qbil inizjali ta' finanzjament tar-restawr permezz tal-UNESCO. Il-kontribuzzjonijiet li ġejjin saru minn għadd ta' pajjiżi sħab oħra tal-proġett:

Pajjiż Kontribuzzjoni f'US$
L-Awstralja $62,650.00
Il-Bahrain $3,000.00
Il-Kamerun $1,000.00
L-Eġittu $63,889.60
Il-Ġermanja $375,939.85
L-Indja $49,494.95
L-Iraq $9,781.00
Il-Ġappun $200,000.00
Il-Kuwajt $3,000.00
Malta $275.82
Mauritius $2,072.50
In-Niġerja $8,130.00
L-Arabja Sawdija $58,993.63
Is-Sri Lanka $1,562.50
It-Tanzanija $1,000.00
Strutturi eżistenti ta' Mohenjo-daro fl-2005.

Ix-xogħol ta' preservazzjoni għal Mohenjo-daro ġie sospiż f'Diċembru 1996 wara li waqaf il-finanzjament mingħand il-gvern tal-Pakistan u mingħand l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Ix-xogħol ta' konservazzjoni tas-sit tkompla f'April 1997, u ntużaw il-fondi disponibbli bis-saħħa tal-UNESCO. Il-pjan ta' finanzjament ta' 20 sena pprovda $10 miljun biex is-sit u l-istrutturi tiegħu jiġu protetti mill-għargħar. Fl-2011, ir-responsabbiltà għall-preservazzjoni tas-sit ġiet ittrasferita lill-gvern tas-Sindh.

Attwalment is-sit huwa mhedded mis-salinità tal-ilma tal-pjan u minn restawr mhux xieraq. Bosta ħitan diġà ċedew, filwaqt li oħrajn qed jikkrollaw mill-bażi tagħhom. Fl-2012, l-arkeologi mill-Pakistan wissew li mingħajr titjib fil-miżuri ta' konservazzjoni, is-sit jaf jispiċċa fix-xejn sal-2030.

Festival tas-Sindh tal-2014

Is-sit ta' Mohenjo-daro kien mhedded ukoll f'Jannar 2014, meta Bilawal Bhutto Zardari tal-Partit Popolari tal-Pakistan għażel dan is-sit għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-Festival tas-Sindh. Dan kien se jesponi s-sit għal operazzjonijiet mekkaniċi, inkluż skavi u tħaffir. Farzand Masih, il-Kap tad-Dipartiment tal-Arkeoloġija fl-Università ta' Punjab wissa li tali attività kienet ipprojbita skont l-Att dwar l-Antikitajiet, u sostna li "Lanqas tista' ssammar musmar f'sit arkeoloġiku". Fil-31 ta' Jannar 2014, tressaq każ quddiem il-Qorti Suprema tas-Sindh biex il-gvern tas-Sindh ma jkunx jista' jkompli b'dan l-avveniment. Il-festival xorta waħda ġie organizzat fis-sit storiku mill-Partit Popolari tal-Pakistan, minkejja l-protesti kollha mill-istoriċi u mill-edukaturi nazzjonali u internazzjonali.

Sit ta' Wirt Dinji

Il-Fdalijiet Arkeoloġiċi ta' Moenjodaro ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]

Klima

Mohenjo-daro għandha klima sħuna tad-deżert (BWh skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen) bi sjuf estremament sħan u bi xtiewi miti. L-ogħla temperatura rreġistrata hi 53.7 °C (128.7 °F), li ġiet irreġistrata f'Mejju 2010, u l-iżjed temperatura baxxa rreġistrata hi −5.4 °C (22.3 °F), li ġiet irreġistrata f'Jannar 2006. Ma tantx tinżel xita, u l-ftit li tagħmel tinżel l-iktar fl-istaġun tal-monsuni (Lulju–Settembru). Ix-xita annwali medja ta' Mohenjo-daro tammonta għal 100.1 millimetru u fil-biċċa l-kbira tinżel fl-istaġun tal-monsuni. L-ogħla xita annwali li qatt niżlet kienet tammonta għal 1,023.8 millimetru, li ġiet irreġistrata fl-2022, u l-inqas xita annwali li qatt niżlet kienet tammonta għal 10 millimetri, li ġiet irreġistrata fl-1987.

Data klimatika Mohenjo-daro
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord °C (°F) 29.4
(84.9)
36.5
(97.7)
45.5
(113.9)
48.5
(119.3)
53.7
(128.7)
51.7
(125.1)
47.6
(117.7)
46.0
(114.8)
43.5
(110.3)
41.5
(106.7)
39.2
(102.6)
30.6
(87.1)
53.7
(128.7)
Medja massima kuljum °C (°F) 24.8
(76.6)
26.2
(79.2)
32.1
(89.8)
38.7
(101.7)
44.8
(112.6)
45.2
(113.4)
41.9
(107.4)
38.7
(101.7)
37.5
(99.5)
35.2
(95.4)
30.5
(86.9)
24.8
(76.6)
35.0
(95.1)
Medja kuljum °C (°F) 16.0
(60.8)
17.0
(62.6)
22.7
(72.9)
28.8
(83.8)
33.9
(93.0)
35.8
(96.4)
34.4
(93.9)
32.8
(91.0)
31.1
(88.0)
26.7
(80.1)
21.1
(70.0)
16.0
(60.8)
26.4
(79.4)
Medja minima kuljum °C (°F) 7.3
(45.1)
7.9
(46.2)
13.3
(55.9)
18.9
(66.0)
24.0
(75.2)
27.4
(81.3)
27.9
(82.2)
27.0
(80.6)
24.7
(76.5)
18.2
(64.8)
11.8
(53.2)
7.3
(45.1)
18.0
(64.3)
Temp. baxxa rekord °C (°F) −5.4
(22.3)
−4.0
(24.8)
2.2
(36.0)
3.0
(37.4)
13.0
(55.4)
15.6
(60.1)
18.4
(65.1)
18.0
(64.4)
14.5
(58.1)
0.0
(32.0)
−1.0
(30.2)
−4.0
(24.8)
−5.4
(22.3)
Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) 2.6
(0.10)
5.8
(0.23)
3.4
(0.13)
2.9
(0.11)
2.2
(0.09)
2.5
(0.10)
39.9
(1.57)
26.6
(1.05)
6.6
(0.26)
0.4
(0.02)
0.9
(0.04)
6.3
(0.25)
100.1
(3.95)
Medja għall-jiem bil-preċipitazzjoni 0.2 0.5 0.9 0.2 0.3 0.4 1.9 1.4 0.3 0.1 0.1 0.3 6.6
Sors: PMD (1991–2020)

Referenzi

Preview of references

  1. ^ "National Museum, New Delhi". nationalmuseumindia.gov.in. Miġbur 2025-02-06.
  2. ^ a b "Archaeological Ruins at Moenjodaro - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-06.