George Abela

George Abela
Photo-president-malta-abela
President ta' Malta

4 April 2009 - 4 April 2014
Eddie Fenech Adami - Marie Louise Coleiro Preca
Ħajja
Twelid Ħal Qormi, 22 April 1948 (75 sena)
Nazzjonalità Malta
Familja
Konjuga/i Margaret Abela  (1976 -
Ulied
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
Premjijiet
List
  • Collar of the Order of Isabella the Catholic‎ Collar of the Order of Isabella the Catholic‎  (2009)
    Collar of the Order of the Star of Romania
    Ordni Nazzjonali tal-Meritu Ordni Nazzjonali tal-Meritu
    Grand Cross of the Order of Vytautas the Great Grand Cross of the Order of Vytautas the Great
    Collar of the Order of the Cross of Terra Mariana Collar of the Order of the Cross of Terra Mariana
    Grand Cross of the Order of the White Double Cross‎ Grand Cross of the Order of the White Double Cross‎ : Ivan Gašparovič (en) Translate, President of Slovakia (en) Translate  (6 Settembru 2011)
    Knight Grand Cross with Collar of the Order of Merit of the Italian Republic Knight Grand Cross with Collar of the Order of Merit of the Italian Republic
George Abela

 Irrid inkun simbolu ta' għaqda u nilqa din il-ħatra b'umiltà u gratitudni. 

—George Abela f'jum il-ħatra tiegħu bħala President

L-Avukat George Abela (Qormi, 22 ta' April 1948) kien it-tmien President tar-Repubblika ta' Malta. Huwa kien ukoll Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.

George Abela twieled f'Ħal Qormi għand George u Ladgarda mwielda Debono. Huwa attenda l-iskola primarja ta' Ħal Qormi stess u kompla bl-edukazzjoni sekondarja tiegħu fil-Liċew tal-Ħamrun. Fl-1965 daħal fl-Università ta' Malta, fejn ġab il-Baċellerat tal-Arti. Hu kompla l-istudji tiegħu u sar nutar pubbliku, imbagħad, fl-1975, hu ggradwa bħala avukat. Il-General Workers' Union ħatritu bħala l-konsulent legali tagħha, u fil-25 sena li qatta' ma' din l-unjin kiseb esperjenza konsiderevoli fid-drittjiet tal-ħaddiema.

Ħidma sportiva

Fl-1982, wara li serva bħala president ta' Qormi FC, hu kien magħżul bħala ċ-ċermen tal-Malta Football Association. Fl-MFA għamel bidliet kbar, u tejjeb l-infrastruttura, fejn ġew mibnija grawnds għat-taħriġ, ġinnasju, u klinika tal-fiżjoterapija, waqt li ġie installat dawl artifiċjali. Il-plejers tat-tim nazzjonali tal-futbol ta' Malta kienu ngaġġati għat-taħriġ għall-ewwel darba fuq bażi professjonali.

Politika

Wara għaxar snin fl-MFA, fl-1992, hu ħalla l-kariga li kellu u ħa l-irwol ta' Deputat Kap responsabbli tal-Affarijiet tal-Partit fi ħdan il-Partit Laburista. Wara r-rebħa elettorali tal-partit fl-1996, hu ġie appuntat mill-Prim Ministru l-ġdid, Alfred Sant, konsulent legali u b'hekk beda jattendi s-seduti tal-kabinett. Hu irriżenja minn postu fl-1997 wara dissens mal-Prim Ministru Alfred Sant. Fl-1998 ma baqax attiv fil-PL, minħabba nuqqas ta' ftehim wara d-deċiżjoni meħuda mid-delegati fil-konferenza ġenerali tal-partit li jsejħu elezzjoni bikrija li kienet mifuhma li kienet neċessarja minħabba li f'dak il-perjodu kien hemm kriżi parlamentari. Fis-sena 2000 hu spiċċa sfavorit fl-amministrazzjoni tal-General Workers' Union u uffiċjalment ma' baqax mal-organizzazzjoni.

Mill-2000 'il quddiem hu beda jiffoka fuq il-prattika legali privata tiegħu, fejn ħadem bħala konsulent legali għal diversi entitajiet tal-gvern, fosthom mal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-Malta European Union Steering Action Committee (MEUSAC). Din, flimkien mal-kritika pubblika persistenti lejn l-Unjin, wasslet għall-istampa biex tispeluka fuq affinità ġdida ta' Abela lejn l-amministrazzjoni Nazzjonalista, partikularment lejn il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Edward Fenech Adami, u l-Ministru tal-Kabinett Austin Gatt. Dawn l-ispekulazzjonijiet dehru influwenti fil-ġirja għall-kap tal-Partit Laburista tal-2008.[1][2]

Hu kkontesta l-elezzjoni għall-kap il-ġdid tal-Partit Laburista wara r-riżenja ta' Alfred Sant fl-2008, flimkien ma' Evarist Bartolo, Marie Louise Coleiro Preca, Joseph Muscat u Michael Falzon. Nhar is-6 ta' Ġunju 2008, minħabba li ebda kandidat ma kiseb il-50% u vot biex jiġi elett bħala l-kap tal-partit, kellha issir it-tieni rawnd ta' votazzjoni bejn l-aktar żewġ kandidati li ġabu voti. Fl-ewwel rawnd, Joseph Muscat kiseb 435 vot, waqt li Abela kiseb 200 vot mit-875 vot validu.[3] Abela tilef il-konfront elettorali ma' Joseph Muscat meta dan tal-aħħar kiseb total ta' 574 vot (66.36%) waqt li George Abela ġab 291 (33.64%).[4] Il-kap il-ġdid Joseph Muscat stieden lil Abela biex jipparteċipa fl-affarijiet tal-partit taħt il-gwida l-ġdida, u Abela ġie maħtur bħala r-rappreżentant tal-Partit Laburista fil-Malta-EU Steering Action Committee (MEUSEC).

President ta' Malta

Nhar it-12 ta' Jannar 2009, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi ħabbar li l-Gvern kien ippropona lil George Abela bħala l-President suċċessiv ta' Malta. Hu kellu jkun is-suċċessur ta' Eddie Fenech Adami li l-ħames snin li kellu fl-irwol ta' President ta' Malta kienu se jiskadu fl-4 ta' April 2009.[5] Din hi l-ewwel darba fl-istorja ta' Malta li gvern innomina President li ġej mill-partit li jinsab fl-Oppożizzjoni. Il-Kamra tad-Deputati wriet qbil unanimu fl-elezzjoni interna li saret għall-kandidatura ta' Abela bħala President, u din kienet l-ewwel darba wkoll li l-Parlament espressa kunsens fuq kandidatura għal President mill-1974. Il-voti finali kienu ta' 26 favur u 2 kontra.

Nhar l-4 ta' April 2009, George Abela ġie maħtur bħala t-tmien President tar-Repubblika ta' Malta, wara quddiesa solenni kkonċelebrata mill-Arċisqof ta' Malta, Mons. Pawlu Cremona fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann fil-Belt Valletta.[6] Fil-Palazz Presidenzjali, fil-preżenza tal-Ispiker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Louis Galea, u l-Prim Ministru, Lawrence Gonzi, Abela wiegħed li "jikkonserva, iħares u jiddefendi l-Kostituzzjoni ta' Malta".[7]

Inizjattivi ġodda

Abela beda inizjattivi ġodda fosthom il-Forum tal-President li iddiskuta fi tliet sessjonijiet ir-Riforma Kostituzzjonali. Huwa beda ukoll il-Premju tal-President għall-Kreattività li għandu l-għan li jgħin fl-iżvilupp ta' talenti ġodda u fit-tkattir ta' ħidma marbuta ma' proġetti tal-arti li jimpenjaw lit-tfal u ż-żgħażagħ fil-komunità. Hemm tliet programmi marbuta mal-Premju- Tfal, Żgħażagħ u Komunità.

Mill-2011, fl-aħħar ta' kull sena beda jingħata l-Premju tal-President għall-volontarjat. Ġie mwaqqaf kumitat mmexxi mill-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici, flimkien ma' Anna Bonanno, Dr. Nigel Camilleri u Dr. Andrew Azzopardi li fasslu kriterji u regoli għal dan il-premju tal-Volontarjat, taħt il-Patroċinju tal-President Abela bis-segratarja Darleen Zerafa.

Community Chest Fund

Il-President Abela sa mill-2009 ried li l-manifestazzjoni nazzjonali tal-Istrina terġa' tibda ssir mingħajr rigali kif fil-fatt seħħ. Beda inizjattivi ġodda bħal Rockestra, President's Run, il-ftuħ tal-kitchen garden b'donazzjoni għall-Malta Community Chest Fund, attivitajiet il-Verdala miftuħin għall-pubbliku u b'donazzjoni għall-pazjenti bil-kanċer, attivitajiet fil-Palazz ta' San Anton, u diversi inizjattivi oħra.

Relazzjoni mal-Gvern Laburista

Fl-aħħar sena tal-Presidenza tiegħu, Abela ra bidla fl-amministrazzjoni. Wara 15-il sena ta' gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista, Joseph Muscat għamel rebħa storika kbira għall-Partit Laburista. Biex ma jiġix impinġi ma' naħa jew ma' oħra, Abela għażel li ma joħroġx ixejjer mal-gallarija flimkien mal-Prim Ministru Muscat wara li dan ħa l-ġurament tal-ħatra.

Mill-ewwel inqalgħet polemika meta l-President George Abela għamel id-"Diskors tat-Tron" li bih fetaħ il-Parlament, diskors li jkun miktub mill-Prim Ministru tal-ġurnata. Xi uħud ħassewh wisq partiġġjan. Wara dan id-diskors, Abela sostna li l-President għandu jiddistakka ruħu mill-politika u għalhekk kien se jipproponi tibdil għad-diskors tat-tron, fil-bidu tal-leġislatura. Sostna li filwaqt li d-diskors għandu jibqa’ jsir, dan għandu jinkiteb mill-President innifsu filwaqt li jiffoka fuq ir-raġunijiet għalfejn għandu jinfetaħ il-Parlament. U mbagħad il-pjanijiet għal-leġislatura li jkun imiss għandhom jinqraw mill-Prim Ministru nnifsu.

Lejn l-aħħar tal-Presidenza tiegħu, Abela ma ffirmax liġi li ressaq Gvern Laburista li kienet tippermetti li koppji tal-istess sess jaddottaw trabi. Dik il-liġi mbagħad iffirmata l-President Marie Louise Coleiro Preca.

Familja

Abela iżżewweġ lil Margaret née Cauchi, mill-Belt Valletta, fit-23 ta' Mejju 1976. Għandhom żewġt itfal, Robert li huwa avukat, u Maria li ggradwat mill-Università ta' Malta u tispeċjalizza fil-kant liriku fil-Conservatorio Giuseppe Verdi ġewwa Milan, l-Italja.[8]

Fi Frar 2010 Lydia Abela, mart iben il-President George Abela saret is-segretarju eżekuttiv tal-Partit Laburista. Robert Abela, bin il-President, kellu sehem attiv fl-Elezzjonijiet Ġenerali 2013 u tkellem f'attivitajiet tal-massa tal-Partit Laburista.

Referenzi

  1. ^ "George Abela willing to contest MLP leadership election" (bl-Ingliż). Times Of Malta. 2008-03-14. Miġbur 2009-04-04.
  2. ^ "George Abela officially announces leadership bid" (bl-Ingliż). MaltaMedia. 2008-04-13. Miġbur 2009-04-04.
  3. ^ "MLP elections go for run off between Abela and Muscat" (bl-Ingliż). MaltaMedia. 2008-06-06. Miġbur 2009-04-04.
  4. ^ "Dr Joseph Muscat elected new MLP leader" (bl-Ingliż). MaltaMedia. 2008-06-06. Miġbur 2009-04-04.
  5. ^ "George Abela favourite to become next President" (bl-Ingliż). Times Of Malta. 2009-01-10. Miġbur 2009-04-04.
  6. ^ "George Abela to be sworn in as President today" (bl-Ingliż). Malta Independent. 2009-04-04. Miġbur 2009-04-04.
  7. ^ "New President hopes unity shown in his appointment will blossom" (bl-Ingliż). Times Of Malta. 2009-04-04. Miġbur 2009-04-04.
  8. ^ "Biography - The new President" (bl-Ingliż). Times Of Malta. 2009-04-04. Miġbur 2009-04-04.

Ħoloq esterni

  • Profil fuq is-sit uffiċjali tal-President ta' Malta
Predeċessur
Joe Debono Grech
Deputat Mexxej tal-Partit Laburista
1992 – 1998

Suċċessur
Joe Brincat

Predeċessur
Eddie Fenech Adami
President ta' Malta
2009 – 2014

Suċċessur
Marie Louise Coleiro Preca