Park Nazzjonali ta' Lençóis Maranhenses

Il-Park Nazzjonali ta' Lençóis Maranhenses.

Il-Park Nazzjonali ta' Lençóis Maranhenses (bil-Portugiż: Parque Nacional dos Lençóis Maranhenses) huwa park nazzjonali fl-istat ta' Maranhão fil-Grigal tal-Brażil, kemxejn fil-Lvant tal-Baía de São José. Il-park ilu protett mit-2 ta' Ġunju 1981 u għandu erja ta' 155,000 ettaru (380,000 akru). Jinkludi 70 kilometru (43 mil) ta' kosta, u fuq ġewwa huwa magħmul minn meded ta' għaram. Matul l-istaġun tax-xita, il-widien ta' qalb l-għaram jimtlew b'laguni tal-ilma ħelu, minħabba li l-ilma ma jiskulax fil-blat impermeabbli ta' taħthom. Il-park jospita firxa wiesgħa ta' speċijiet, inkluż erba' elenkati bħala fil-periklu ta' estinzjoni, u sar destinazzjoni popolari fost it-turisti ekoloġiċi.

F'Lulju 2024, il-Park Nazzjonali ta' Lençóis Maranhenses tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bis-saħħa tas-sbuħija eċċezzjonali tiegħu u l-fatt li huwa sit naturali uniku fid-dinja.[1][2]

Ġeografija fiżika

Il-park jinsab mal-kosta tal-Grigal tal-Brażil fl-istat ta' Maranhão tul il-kosta tal-Lvant, ikkonfinat minn 70 kilometru (43 mil) ta' bajjiet tul l-Oċean Atlantiku.[3][4] Iktar 'il ġewwa, huwa kkonfinat mix-xmara Parnaíba, mill-Baċir ta' São José, u mix-xmajjar ta' Itapecuru, ta' Munim u ta' Periá. Il-park jinkorpora erja ta' 155,000 ettaru (380,000 akru), magħmula prinċipalment minn meded estensivi ta' għaram kostali (magħmula minn għaram barkanojdi), li ffurmaw matul l-aħħar tal-perjodu Kwaternarju.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-park għandu bixra ta' deżert, fl-inħawi jinżlu madwar 1,200 millimetru (47 pulzier) ta' xita fis-sena, filwaqt li d-deżerti, skont id-definizzjoni tagħhom stess, ikollhom inqas minn 250 millimetru (10 pulzieri) ta' xita fis-sena.[5] Madwar 70 % ta' din ix-xita tinżel bejn ix-xhur ta' Jannar u Ġunju.[6]

Ir-ramel jinġarr lejn il-park min-naħa ta' ġewwa tal-kontinent mix-xmajjar Parnaíba u Preguiças, fejn imbagħad jerġa' jinġarr lura 'l ġewwa sa 50 kilometru (31 mil) bl-irjieħ, u b'hekk jinħolqu sensiliet ta' għaram tar-ramel għoljin sa 40 metru (130 pied). Matul l-istaġun tax-xita, bejn ix-xhur ta' Jannar u Ġunju, il-maltempati bix-xita jimlew l-ispazji fost l-għaram b'laguni tal-ilma ħelu b'tul sa 100 metru (330 pied) u fondi sa 3 metri (10 piedi), li kollha f'daqqa jirrappreżentaw saħansitra sa 41 % tal-erja tal-park.[7] L-ilma fil-laguni ma jiskulax minħabba saff ta' blat impermeabbli li jinsab taħt il-wiċċ tar-ramel. Il-laguni tipikament ikollhom temperatura ta' bejn 27.5 °C (81.5 °F) u 32 °C (90 °F), aċidità ta' bejn 4.9 u 6.2, u livelli baxxi ta' nutrijenti milwiema. Meta jerġa' jasal l-istaġun tan-nixfa, l-għadajjar jevaporaw malajr, u jitilfu sa fond ta' metru (3 piedi) fix-xahar.[8]

Fin-naħa ta' ġewwa tal-park hemm żewġ oażi jew restingas, Queimada do Britos, li tkopri erja ta' 1,100 ettaru (2,700 akru), u Baixa Grande, li tkopri erja ta' 850 ettaru (2,100 akru).

L-inħawi tal-park ikollhom temperatura annwali medja ta' bejn 26 °C (79 °F) u 28.5 °C (83.3 °F) u varjazzjoni annwali fit-temperatura ta' madwar 1.1 °C (2 °F).

Ekoloġija

Il-Park Nazzjonali ta' Lençóis Maranhenses.

Il-laguni fil-park sikwit ikunu interkonnessi ma' xulxin, kif ukoll max-xmajjar tal-inħawi. Dawn jospitaw għadd ta' speċijiet ta' ħut u ta' insetti, fosthom il-pixxilupu, li jħaffer 'l isfel f'saffi mxarrbin tat-tajn u jibqa' rieqed hemmhekk matul l-istaġun tan-nixfa. Apparti l-għaram li jiffurmaw il-qalba tal-park, l-ekosistema tal-park tinkludi wkoll restingas u mangrovji.

Fil-park jgħixu erba' speċijiet elenkati fil-lista Brażiljana tal-ispeċijiet fil-periklu: il-velleran aħmar (Eudocimus ruber), il-lontra neotropikali (Lontra longicaudis), l-oncilla (Leopardus tigrinus) u l-baqra tal-baħar tal-Indì tal-Punent (Trichechus manatus). Fil-park jgħammru wkoll 133 speċijiet ta' pjanti, 112-il speċi ta' għasafar, u mill-inqas 42 speċi ta' rettili.

Sit ta' Wirt Dinji

Il-Park Nazzjonali ta' Lençóis Maranhenses ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2024.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

Turiżmu

Il-Park Nazzjonali ta' Lençóis Maranhenses.

Il-Park Nazzjonali ta' Lençóis Maranhenses jilqa' saħansitra 60,000 viżitatur fis-sena. Fost l-attivitajiet komuni fi ħdan il-park hemm is-surfing, ġiti bil-kenura u l-irkib taż-żwiemel.

Fil-kultura popolari

Il-park deher fil-film Brażiljan The House of Sand. Il-filmat tal-kanzunetta "Kadhal Anukkal" mill-film bil-lingwa Indjana Tamil Enthiran, inġibed fil-park.[9][10] Il-films Avengers: Infinity War (2018) u Avengers: Endgame (2019) użaw il-pajsaġġ tal-park bħala dak tal-pjaneta Vormir. Kunċert mill-grupp mużikali RY X inġibed fil-park fl-2022.

Referenzi

Preview of references

  1. ^ a b ċ "Lençóis Maranhenses National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-10.
  2. ^ "Lençóis Maranhenses são oficialmente Patrimônio Natural da Humanidade pela Unesco | Maranhão". G1 (bil-Portugiż). 2024-07-26. Miġbur 2025-01-10.
  3. ^ Miranda, Jivanildo; Lopes Costa, João Carlos; Duarte da Rocha, Carlos Frederico (2012). "Reptiles from Lençóis Maranhenses National Park, Maranhão, northeastern Brazil". ZooKeys (246): 51–68. doi:10.3897/zookeys.246.2593. PMC 3520146. PMID 23275751.
  4. ^ Vieira, Bianca Carvalho; Salgado, André Augusto Rodrigues; Santos, Leonardo José Cordeiro (2015). Landscapes and Landforms of Brazil. Springer Publishing. ISBN 978-94-017-8023-0. p. 80.
  5. ^ "A Sea of Dunes". web.archive.org. 2018-08-05. Miġbur 2025-01-10.
  6. ^ Vieira, Bianca Carvalho; Salgado, André Augusto Rodrigues; Santos, Leonardo José Cordeiro (2015). Landscapes and Landforms of Brazil. Springer Publishing. ISBN 978-94-017-8023-0. p. 79.
  7. ^ Magazine, Smithsonian; Geiling, Natasha. "How Do Thousands of Clear Blue Lagoons End Up In These Brazilian Sand Dunes?". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-10.
  8. ^ Moschini-Carlos, V.; Pereira, D.; Wisniewski, MJS; Pompêo, MLM (2008). "The planktonic community in tropical interdunal ponds (Lençóis Maranhenses National Park, Maranhão State, Brazil)". Acta Limnologica Brasiliensia. 20 (2): 99–110.
  9. ^ "Kollywood in search of exotic locations". 2017-01-14. Miġbur 2025-01-10.
  10. ^ "Lençóis Maranhenses National Park – Brazil | Where Was It Shot". web.archive.org. 2014-11-06. Miġbur 2025-01-10.