Tom Cleverley

Tom Cleverley
Informazzjoni personali
Isem sħiħThomas William Cleverley
Twelid12 ta' Awwissu 1989 (1989-08-12) (35 sena)
Basingstoke, Ingilterra
Tul1.75 m
RwolMidfilder
Informazzjoni fuq il-klabb
Klabb attwaliWatford
Numru8
Mixtliet
2004–2005Bradford City
2005–2008Manchester United
Karriera professjonali
SninKlabb
2008–2015Manchester United
2009→ Leicester City (self)
2009–2010Watford (self)
2010–2011→ Wigan Athletic (self)
2014–2015Aston Villa (self)
2015–2017Everton
2017Watford (self)
2017–Watford
Tim nazzjonali
2009–2011Ingilterra U-21
2012Gran Brittanja
2012–2013Ingilterra

Thomas William "Tom" Cleverley (twieled fil-12 ta' Awwissu 1989) huwa plejer tal-futbol Ingliż li jilgħab bħala midfilder ma' Watford. Wara li beda fid-dixxiplina tal-futbol ma' Bradford City, Cleverley ingħaqad ma' Manchester United ta' 15-il sena. Bejn l-2009 u l-2011 ġie misluf ma' tliet klabbs differenti sabiex jiggwadanja l-esperjenza.

Karriera

Bidu tal-karriera

Cleverley beda l-karriera tiegħu ma' Bradford City, qabel ma fis-sajf tal-2005, fl-età ta' 15-il sena, ingħaqad ma' Manchester United. Matul l-istaġun 2005–06 lagħab disa' logħbiet mal-kategorija ta' taħt it-18-il sena, waqt li s-sena ta' wara ġie promoss għat-tim tar-riservi. Cleverley kellu rwol strumentali fit-tim taż-żgħażagħ li rebaħ il-Manchester Senior Cup u l-Lancashire Senior Cup. Il-prestazzjonijiet konsistenti tiegħu wassluh sabiex jieħu l-faxxa ta' kaptan fl-assenza tal-kaptan regulari Sam Hewson, kif ukoll nominazzjoni fl-unur tal-Plejer tar-Riservi tas-Sena, unur li ntrebaħ minn Richard Eckersley.

Bħala rikonoxximent għall-prestazzjonijiet eklatanti tiegħu, Cleverley issejjaħ mat-tim tal-kbar ta' Manchester United għat-tour tal-Afrika t'Isfel u l-logħba ta' ħbiberija kontra Portsmouth fin-Niġerja matul is-sajf tal-2008.[1] Hu ddebutta fil-konfront kontra Kaizer Chiefs fil-finali tal-Vodacom Challenge, fejn wara li daħal bħala sostitut fit-tieni taqsima skorja t-tielet mill-erba gowls wara siegħa logħob.

Perjodi ta' self

Nhar is-16 ta' Jannar 2009, Tom Cleverley ġie msellef lil Leicester City għall-kumplament tal-istaġun 2008–09.[2] Hu ddebutta fid-19 ta' Jannar 2009 fir-rebħa ta' 2–0 kontra Yeovil Town. Wara żewġ gowls u 15-il preżenza ma' Leicester, is-self kellu jintemm minħabba li weġġa' spalltu fil-konfront kontra Colchester United. Minkejja li s-self kien spiċċa, Cleverley xorta waħda ngħata midalja wara r-rebħ tal-promozzjoni ta' Leicester bħala ċampjins tal-League One.[3]

Fit-18 ta' Awwissu 2009, Cleverley iffirma taħt self ma' Watford.[4] Id-debutt tiegħu, li wassal f'dik il-ġurnata stess, immarkah b'gowl fir-rebħa ta' 4–2 kontra Nottingham Forest. Erbat ijiem wara skorja t-tieni gowl tiegħu fil-pari ta' 2–2 kontra Blackpool. Il-perjodu ta' self tiegħu ġie estiż sa tmiem l-istaġun 2009–10, u Cleverley ħad vantaġġ minn dan iż-żmien hekk kif żied ħames gowls mat-total li kellu. Għal darb'oħra problemi fiżiċi kellhom joħonqu l-logħob tiegħu u kellu jtemm is-self tiegħu f'April tal-2010.[5] Iż-żmien mal-Hornets kien jinvolvi 11-il gowl f'35 logħba u kif ukoll ir-rebħ tal-unur tal-Plejer tas-Sena.[6]

Wara li Cleverley ħa sehem fit-tour ta' Manchester United ġewwa l-Istati Uniti tas-sajf 2010, fil-31 ta' Awwissu Wigan Athletic ikkonfermaw li kienu qablu li jisselfu lil Cleverley sa tmiem l-istaġun.[7] Fil-11 ta' Settembru, Cleverley iddebutta għal Wigan kif ukoll lagħab l-ewwel logħba tiegħu fil-Premier League, meta ħa post Mauro Boselli fil-75 minuta u assista lil Antolin Alcaraz fil-pari ta' 1–1 kontra Sunderland. L-ewwel gowl tiegħu mal-klabb wasal fit-telfa ta' 3–1 kontra West Ham United tas-27 ta' Novembru. F'Jannar tal-2011, il-perjodu ta' self ġie estiż sa tmiem l-istaġun.

Lura ma' Manchester United

Cleverley iddebutta uffiċjalment ma' Manchester United fir-rebħa ta' 3–2 kontra r-rivali Manchester City fil-finali tal-Community Shield 2011. Hu daħal fit-tieni taqsima minflok Michael Carrick, b'United 2–0 minn taħt, u assista l-gowl ta' Nani li ġab l-iskor indaqs. Għall-istaġun 2010–11 ingħata l-flokk numru 23, vakanti minn Jonny Evans li ħa n-numru 7. Nhar l-14 ta' Awwissu 2011, beda l-ewwel partita tiegħu mal-ewwel ħdax fil-konfront mill-ewwel ġurnata tal-kampjonat 2011–12 kontra West Bromwich Albion.

Statistika

Statistika korretta sat-22 ta' Awwissu 2011

Klabb Staġun Kampjonat Tazza League Cup Ewropa Oħrajn Total
Preż Gowls Preż Gowls Preż Gowls Preż Gowls Preż Gowls Preż Gowls
Leicester City (self) 2008–09 15 2 0 0 0 0 0 0 15 2
Watford (self) 2009–10 33 11 1 0 1 0 0 0 35 11
Wigan Athletic (self) 2010–11 25 4 0 0 0 0 0 0 25 4
Manchester United 2011–12 2 0 0 0 0 0 0 0 1 0 3 0
Total fil-karriera 75 17 1 0 1 0 0 0 1 0 78 17

Unuri

Klabb

Leicester City
  • League One: 2008–09
Manchester United

Individwali

  • Plejer tas-Sena ta' Watford: 2009–10

Referenzi

  1. ^ Thompson, Gemma (2008-07-24). "Trio join senior squad" (bl-Ingliż). Manchester United FC. Miġbur 2009-01-16.
  2. ^ "United Midfielder Joins Foxes" (bl-Ingliż). Leicester City FC. 2009-01-16. Miġbur 2009-01-16.
  3. ^ "Champions Picture Special" (bl-Ingliż). Leicester City FC. 2009-04-25. Miġbur 2009-04-25.
  4. ^ "Watford seal Cleverley loan deal" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2009-08-18. Miġbur 2009-08-18.
  5. ^ "Watford midfielder Tom Cleverley out for season" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2010-04-08. Miġbur 2010-04-09.
  6. ^ "Player of the Season" (bl-Ingliż). Watford FC. 2010-05-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-06-04. Miġbur 2010-05-19.
  7. ^ "Tom Clevlerley Joins Roberto Revolution" (bl-Ingliż). Wigan Athletic FC. 2010-08-31. Miġbur 2010-08-31.

Ħoloq esterni