Turan
Turan (bl-Avestan: Tūiriiānəm; bil-Persjan Nofsani: Tūrān; bil-Persjan: توران, b'ittri Rumani: Turân,
pronunzjata [tʰuːˈɾɒːn], "L-Art ta' Tur") huwa reġjun storiku fl-Asja Ċentrali. It-terminu għandu oriġini Iranjana[1][2] u jista' jirreferi għal insedjament uman preistoriku partikolari, reġjun ġeografiku storiku, jew kultura. It-Turanjani oriġinali kienu tribù Iranjana[3][4][5] ta' żmien Avestan u fit-tradizzjoni Iranjani ta' iktar 'il quddiem, ġeneralment, it-terminu Turan jitqies li jirreferi għall-artijiet abitati minn tribujiet li jitkellmu t-Tork.
Ħarsa ġenerali
Fil-mitoloġija Iranjana tal-qedem, Tūr jew Turaj (Tuzh bil-Persjan Nofsani) huwa iben l-imperatur Fereydun. Skont ġrajja fix-Shahnameh, it-tribujiet nomadiċi li kienu jgħixu f'dawn l-artijiet kienu mmexxija minn Tūr. B'hekk, it-Turanjani jistgħu jkunu membri ta' żewġ popli Iranjani, it-tnejn li huma dixxendenti ta' Fereydun, iżda b'dominji ġeografiċi differenti u sikwit fi gwerra ma' xulxin.[6][7] Għaldaqstant, Turan kienet tinkludi ħames żoni: ir-reġjun ta' Kopet Dag, il-wied ta' Atrek, partijiet minn Baktrija, Sogdija u Margiana.[8]
Assoċjazzjoni li saret iktar 'il quddiem tat-Turanjani oriġinali mal-popli Torok hija bbażata primarjament fuq il-proċess sussegwenti ta' "Turkifikazzjoni" tal-Asja Ċentrali, inkluż iż-żoni msemmija hawn fuq.[9][10] Madankollu, skont C. E. Bosworth, ma kien hemm l-ebda relazzjoni kulturali bejn il-kulturi Torok tal-qedem u t-Turanjani tax-Shahnameh.[11]
Storja
Letteratura tal-qedem
Avesta
L-eqdem tismija eżistenti ta' Turan saret fil-yashts ta' Farvardin, bil-lingwa żagħżugħa ta' Avestan u ġiet datata mil-lingwisti li tmur lura għal madwar 2,500 sena ilu.[12] Skont Gherardo Gnoli, l-Avesta fih l-ismijiet ta' diversi tribujiet li kienu jgħixu qrib xulxin: "l-Airjas [l-Arjani], it-Tuirjas [it-Turanjani], is-Sairimas [is-Sarmazjani], is-Sainus [is-Saċi] u d-Daħis [id-Daħi]".[5] Fl-innijiet tal-Avesta, l-aġġettiv Tūrya huwa mehmuż ma' diversi għedewwa taż-Żoroastrijaniżmu bħal Fraŋrasyan (fix-Shahnameh: Afrāsīāb). It-terminu jokkorri darba biss fil-Gathas, iżda 20 darba fil-partijiet iktar 'il quddiem tal-Avesta. It-Tuirjas kif kienu msejħa fl-Avesta jaqdu rwol iktar importanti fl-Avesta mis-Sajrimas, mis-Sainus u mid-Daħis. Żoroastru nnifsu tnissel mill-poplu Airja iżda pprietka l-messaġġ tiegħu lit-tribujiet ġirien l-oħra.[13]
Skont Mary Boyce, fil-yasht ta' Farvardin, "Fih (il-versi 143–144) jiġu mfaħħra l-fravashis tal-irġiel u tan-nisa twajba mhux biss fost l-Arjas (kif kienu jsejħu lilhom infushom in-nies ta' "Avestan"), iżda wkoll fost it-Turijas, is-Sairimas, is-Sainus u d-Daħis; u l-ismijiet personali, bħal dawk tal-popli, kollha donnhom ta' karattru Iranjan".[14] L-ostilità bejn it-Tuirjas u l-Airjas hija indikata wkoll fil-yasht ta' Farvardin (il-versi 37-38), fejn il-fravashis tat-twajba jingħad li kienu ta' appoġġ fil-battalja kontra d-Danus, li milli jidher kienu klan tal-poplu Tura.[15] B'hekk fl-Avesta, uħud mit-Tuirjas emmnu fil-messaġġ ta' Żoroastru filwaqt li oħrajn irrifjutaw ir-reliġjon.
L-istess mod bħal art twelid Żoroastru tal-qedem, il-ġeografija u l-pożizzjoni preċiżi ta' Turan mhumiex magħrufa.[16] Fit-tradizzjonijiet ta' wara Avestan, kien maħsub li t-Turanjani kienu jgħixu fir-reġjun fit-Tramuntana tal-Oxus, ix-xmara li kienet tisseparahom mill-Iranjani. Il-preżenza tagħhom akkumpanjata minn gwerer bla heda mal-Iranjani, għenu biex dawn tal-aħħar jiġu definiti bħala ġens għalih, kburin b'arthom u lesti jxerrdu d-demm biex jiddefenduha.[17] L-ismijiet komuni tat-Turanjani fl-Avesta u fix-Shahnameh jinkludu Frarasyan,[18] Aghraethra,[19] Biderafsh,[20] Arjaspa[21] u Namkhwast. L-ismijiet tat-tribujiet Iranjani, inkluż dawk tat-Turanjani li jissemmew fl-Avesta ġew studjati minn Manfred Mayrhofer fil-ktieb komprensiv tiegħu dwar l-etimoloġiji tal-ismijiet personali fl-Avesta.[22][23]
Imperu tas-Sassanidi
Mis-seklu 5 W.K., l-Imperu tas-Sassanidi ddefinixxa lil "Turan" f'oppożizzjoni mal-"Iran", bħala l-art lejn il-Grigal fejn hemm l-għedewwa tiegħu.[24]
Id-diversi invażjonijiet nomadiċi fil-qedem tul il-fruntieri tal-Grigal żammet il-memorja tat-Turanjani friska sew. Wara s-seklu 6 W.K., it-Torok, li kienu ddevjati lejn il-Punent minn tribujiet oħra, saru ġirien tal-Iran u ġew identifikati mat-Turanjani. L-identifikazzjoni tat-Turanjani mat-Torok kienet żvilupp li sar wara, x'aktarx fil-bidu tas-seklu 7 W.K.; it-Torok ġew f'kuntatt mal-Iranjani għall-ewwel darba fis-seklu 6 W.K.[25]
Letteratura nofsanija
Era Iżlamika bikrija
Skont Clifford E. Bosworth:[26]
Fiż-żminijiet Iżlamiċi bikrin, il-Persjani kellhom it-tendenza li jidentifikaw l-artijiet kollha lejn il-Grigal ta' Khorasan u lil hinn mix-xmara Oxus mar-reġjun ta' Turan, li fix-Shahnama ta' Ferdowsi jitqies bħala l-art mogħtija lil iben Fereydun, Tur. Id-denizens ta' Turan kienu maħsuba li jinkludu t-Torok; fl-ewwel erba' sekli tal-Iżlam essenzjalment il-gruppi nomadi lil hinn minn Jaxartes, u warajhom iċ-Ċiniżi. B'hekk, "Turan" sar terminu etniku u ġeografiku, iżda dejjem kien hemm ambigwitajiet u kontradizzjonijiet, li jfeġġu mill-fatt li tul iż-żminijiet Iżlamiċi kollha, l-artijiet lil hinn mix-xmara Oxus u iktar fil-baxx kienu jgħixu fihom mhux it-Torok iżda l-popli Iranjani bħas-Sogdjani u l-Kwareżmjani. (traduzzjoni mhux uffiċjali)
It-termini "Tork" u "Turanjan" bdew jintużaw daqslikieku sinonimi matul l-era Iżlamika. Ix-Shahnameh, jew il-Ktieb tar-Rejiet, ġabra tal-wirt mitoloġiku Iranjan, juża ż-żewġ termini b'mod ekwivalenti. L-istess isir minn awturi oħra, fosthom Tabari u Hakim Iranshah, u f'bosta testi oħra. Eċċezzjoni notevoli huwa Abl-Hasan Ali ibn Masudi, storiku Għarbi li jikteb: "It-twelid ta' Afrasiyab seħħ fl-art tat-Torok u l-iżball li għamlu l-istoriċi u dawk li mhumiex storiċi dwaru li kien Tork, sar minħabba f'hekk".[27] Sas-seklu 10 W.K., il-mit ta' Afrasiyab ġie adottat mid-dinastija Qarakanida. Matul l-era tas-Safavidi, skont il-konvenzjoni ġeografika komuni tax-Shahnameh, it-terminu "Turan" intuża biex jirreferi għad-dominju tal-imperu Użbek f'kunflitt mas-Safavidi.
Xi lingwisti jsostnu li t-terminu ġej mill-għerq Indo-Iranjan *tura- li bil-Pashto jfisser "xabla qawwija u veloċi", peress li bil-Pashto turan (jew thuran) tfisser "xi ħadd li jġorr xabla". Oħrajn jorbtuh mal-għerq Iranjan antik *tor li jfisser "skur, iswed", b'rabta mal-Persjan il-Ġdid tār(ik), mal-Pashto tor (thor), u x'aktarx mal-Ingliż dark. F'dan il-każ, it-terminu huwa referenza għaċ-"ċivilizzazzjoni skura" tan-nomadi Asjatiċi Ċentrali f'kuntrast maċ-ċivilizzazzjoni Żoroastrijana "illuminata" tal-Arjani li kienu insedjati hemmhekk.
Shahnameh
Fil-ġrajja epika Persjana tax-Shahnameh, it-terminu Tūrān ("l-art tat-Tūrja" bħal Ērān, Īrān = "l-art tal-Arjani") jirreferi għall-abitanti tal-fruntiera Iranjana tal-Lvant u lil hinn mix-xmara Oxus. Skont il-ġrajja mitoloġika tal-istabbiliment mogħtija fix-Shahnameh, ir-Re Firēdūn (bl-Avestan: Θraētaona) kellu tliet ulied subien, Salm, Tūr u Iraj, li magħhom qasam id-dinja: l-Asja Minuri ngħatat lil Salm, Turan lil Tur u l-Iran lil Īraj. L-aħwa l-kbar qatlu lil ħuhom iż-żgħir, iżda mbagħad pattihielhom f'ismu n-neputi tiegħu, u l-Iranjani saru l-mexxejja tad-dinja. Madankollu, il-gwerra baqgħet għaddejja għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Fix-Shahnameh, il-kelma "Turan" tidher kważi 150 darba u "Iran" kważi 750 darba.
Xi eżempji mix-Shahnameh:
نه خاکست پیدا نه دریا نه کوه
ز بس تیغداران توران گروه
L-ebda art, baħar jew muntanja ma jidhru,
Qalb il-bosta xfafar tal-ġemgħa ta' Turan.
تهمتن به توران سپه شد به جنگ
بدانسان که نخجیر بیند پلنگ
Tahamtan (Setgħan) Rostam iġġieled kontra l-armata ta' Turan
Bl-istess mod kif jagħmel leopard malli jilmaħ il-priża tiegħu.
Letteratura moderna
Ġeografija
Fis-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20, il-lingwi tal-Punent issellfu l-kelma Turan bħala deżinjazzjoni ġenerali għall-Asja Ċentrali moderna, għalkemm din l-espressjoni issa ma tantx għadha tintuża. Turan jidher ħdejn l-Iran fuq bosta mapep tas-seklu 19 bħala deżinjazzjoni ta' reġjun li jinkorpora l-Użbekistan, il-Każakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-partijiet tat-Tramuntana tal-Afganistan u tal-Pakistan. Din iż-żona bejn wieħed u ieħor tikkorrispondi għar-reġjun li llum il-ġurnata jitqies bħala l-Asja Ċentrali.
Il-frażi Pjanura ta' Turan jew Depressjoni ta' Turan saret terminu ġeografiku li jirreferi għal parti mill-Asja Ċentrali.
Lingwistika
It-terminu Turanjan, li attwalment ma għadux jintuża għajr għal referenzi storiċi, fl-imgħoddi kien jissemma fil-klassifikazzjonijiet li kienu jintużaw mill-etnologi, mil-lingwistiċi u mir-Romantiċi Ewropej (speċjalment Ġermaniżi, Ungeriżi u Slovakki) għad-deżinjazzjoni ta' popli li jitkellmu lingwi mhux Indo-Ewropej, mhux Semitiċi u mhux Amitiċi[28] u speċjalment il-kelliema Altajċi, Dravidjani, Uraliċi, Ġappuniżi, Koreani u ta' lingwi oħra.[29]
Max Müller (1823–1900) identifika sottofergħat differenti fi ħdan il-familja tal-lingwi Turanjani:
- il-fergħa tal-lingwi Altajċi Nofsanija, li tinkludi l-lingwi Tungusiċi, Mongoljani u Torok;
- il-fergħa tal-lingwi tat-Tramuntana tal-Ural, li tinkludi l-lingwi Samojediċi, Ugriċi u Finniċi;
- il-fergħa tal-lingwi tan-Nofsinhar, li tinkludi l-lingwi Dravidjani bħat-Tamil, il-Kannada, it-Telugu, il-Malayalam, u lingwi Dravidjani oħra;
- il-fergħa tal-lingwi tal-Kawkasu, li Müller ikklassifika bħala lingwi sparpaljati tal-familja tal-lingwi Turanjani.
Müller beda jixtarr ukoll jekk iċ-Ċiniż kienx jagħmel parti mill-fergħa tal-lingwi tat-Tramuntana jew mill-fergħa tal-lingwi tan-Nofsinhar.[30]
Ir-rabtiet prinċipali bejn il-lingwi Dravidjani, Uraliċi u Altajċi kienu meqjusa tipoloġiċi. Skont Crystal & Robins, "Il-familji tal-lingwi, skont l-istudju storiku tal-lingwi, ma għandhomx jitħawdu mal-klassifikazzjonijiet pjuttost separati tal-lingwi b'referenza għall-kondiviżjoni ta' ċerti karatteristiċi predominanti tal-istruttura grammatikali".[31] Mill-2013, il-lingwisti jikklassifikaw il-lingwi skont il-metodu tal-lingwistika komparattiva iktar milli jużaw il-karatteristiċi tipoloġiċi tagħhom. Skont l-Encyclopædia Britannica, "l-isforzi ta' Max Müller kellhom suċċess l-iktar fil-każ tas-Semiti, li kien faċli li jintwera li kellhom affinitajiet, u x'aktarx kellhom l-inqas suċċess fil-każ tal-popli Turanjani, li l-oriġini bikrin tagħhom huma ipotetiċi".[32] Mill-2014, il-komunità tal-istudjużi ma għadhiex tuża t-terminu Turanjan għal klassifikazzjoni ta' familja ta' lingwi. Ir-rabta bejn il-lingwi Uraliċi u Altajċi, li l-kelliema tagħhom kienu ddeżinjati wkoll bħala parti mill-poplu Turanjan fil-letteratura Ewropea tas-seklu 19, għadha waħda inċerta.[33]
Ideoloġija
Fid-diskors Ewropew, it-termini Turan u Turanjan jistgħu jiddeżinjaw ċertu mentalità, jiġifieri n-nomadiċi f'kuntrast maċ-ċivilizzazzjonijiet agrikoli urbanizzati. Dan l-użu x'aktarx li jaqbel mal-kunċett Żoroastrijan tat-Tūrya, li primarjament mhijiex deżinjazzjoni lingwistika jew etnika, iżda iktar isem mogħti lil dawk li mhumiex fidili għaċ-ċivilizzazzjoni kif ipprietkata minn Żoroastru.
Flimkien mal-antropoloġija fiżika, il-kunċett tal-mentalità Turanjana għandu potenzjal ċar għal polemika kulturali. B'hekk, fl-1838, l-istudjuż J.W. Jackson iddeskriva r-razza Turanida jew Turanjana b'dan il-mod:[34]
It-Turanjan huwa l-personifikazzjoni tal-poter materjali. Huwa r-raġel sempliċement muskoluż fil-qofol tal-iżvilupp kollettiv tiegħu. Mhuwiex salvaġġ inerenti, iżda huwa radikalment barbariku. Ma jitrejjaqx minn idejh għal ħalqu, bħall-annimali, iżda lanqas għandu l-ħakma sħiħa tal-aspetti morali u intellettwali tar-raġel modern. Kapaċi jaħdem u jakkumula, iżda ma jistax jaħseb u jaspira bħal Kawkasu. Miż-żewġ elementi grandjużi tal-ħajja tar-raġel modern, huwa għandu iktar nuqqasijiet sentimentali milli fil-ħiliet. U fir-rigward ta' dawn tal-aħħar, huwa marbut iktar mal-akkwiżizzjoni tal-għarfien milli mal-oriġini tal-ideat. (traduzzjoni mhux uffiċjali)
Il-filosfu Pollakk Feliks Koneczny sostna li teżisti ċivilizzazzjoni Turanjana distintiva, li tinkorpora kemm lit-Torok kif ukoll li xi Slavi, bħar-Russi. L-aspetti ewlenin ta' din iċ-ċivilizzazzjoni skontu kienu l-militariżmu, l-anti-intellettwaliżmu u l-ubbidjenza assoluta fil-konfront tal-mexxej. Skont Koneczny, din iċ-ċivilizzazzjoni kienet inferjuri għaċ-ċivilizzazzjoni Latina (tal-Punent tal-Ewropa).
Politika
Meta l-Imperu Ottoman beda jmajna, xi nazzjonalisti Torok adottaw it-terminu Turanjan biex jesprimu ideoloġija pan-Torka, imsejħa wkoll Turaniżmu. Mill-2013, it-Turaniżmu jifforma aspett importanti tal-ideoloġija tal-Partit tal-Moviment Nazzjonalista Tork (MHP), li l-membri tiegħu huma magħrufa wkoll bħala l-Lupi Griżi.
Dan l-aħħar, it-terminu Turanjan xi kultant esprema nazzjonaliżmu pan-Altajku (li teorikament jinkludi l-Manchu, il-Mongoli u t-Torok), għalkemm l-ebda organizzazzjoni politika jidher li adottat pjattaforma daqstant ambizzjuża.
Ismijiet
Turandot – jew Turandokht – huwa isem femminili fl-Iran u jfisser "Bint Turan" bil-Persjan (fil-Punent dan it-terminu huwa magħruf l-iktar permezz tal-opra famuża ta' Giacomo Puccini, Turandot (1921–1924)).
Turan huwa isem komuni wkoll fil-Lvant Nofsani, u huwa kunjom ukoll f'xi pajjiżi, fosthom il-Bahrain, l-Iran, il-Bożnija u t-Turkija.
Il-mexxej Ajjubid Saladin kellu ħuh ikbar minnu li kien jismu Turan-Shah.
Turaj, li l-ġrajjiet mitoloġiċi Iranjani jqisu bħala l-antenat tat-Turanjani, huwa isem popolari wkoll u jfisser Iben id-Dlam. L-isem Turan skont il-ġrajjiet mitoloġiċi Iranjani oriġina mill-art ta' Turaj. Il-pronunzja ta' Turaj bil-Pahlavi hi Tuzh, skont id-dizzjunarju ta' Dehkhoda. B'mod simili, Iraj, li huwa isem popolari wkoll, huwa ħu Turaj fix-Shahnameh. Verżjoni alternattiva ta' Turaj hija Zaraj, li tfisser iben tad-deheb.
Sit ta' Wirt Dinji
Id-Deżerti Bierda tax-Xitwa ta' Turan ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023 u huwa sit transnazzjonali b'komponenti fl-Użbekistan, fit-Turkmenistan u fil-Każakistan.[35]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[35]
Referenzi
Preview of references
- ^ Houtsma, M. Th.; Arnold, T.W.; Basset, R.; Hartmann, R., eds. (1913–1936). "Tūrān". Encyclopaedia of Islam (First ed.).
- ^ van Donzel, Emeri (1994). Islamic Reference Desk. Brill Academic. p. 461. ISBN 9789004097384.
- ^ Allworth, Edward A. (1994). Central Asia: A Historical Overview. Duke University Press. p. 86. ISBN 978-0-8223-1521-6.
- ^ Diakonoff, I. M. (1999). The Paths of History. Cambridge University Press. p. 100. ISBN 978-0-521-64348-1.
- ^ a b Gnoli, Gherardo (1980). Zoroaster's Time and Homeland. Napli: Istituto Univ. Orientale.
- ^ Yarshater, Ehsan (2004). "Iran iii. Traditional History of Persia". Encyclopædia Iranica.
- ^ Menges, Karl Heinrich (1989). "Altaic". Encyclopædia Iranica.
- ^ Possehl, Raymond (2002). The Indus Civilization: A Contemporary Perspective. Rowman Altamira Press. p. 276.
- ^ "RUSTEM AND SOHRAB". web.archive.org. 2007-06-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-06-13. Miġbur 2024-05-23.
- ^ Inlow, Edgar Burke (1979). Shahanshah: A Study of the Monarchy of Iran. Motilal Banarsidass Pub. p. 17.
- ^ Bosworth, C. Edmund (1973). "Barbarian Incursions: The Coming of the Turks into the Islamic World". In Richards, D.S. (ed.). Islamic Civilization. Oxford. p. 2.
- ^ Prods Oktor Skjærvø, "Avestan Quotations in Old Persian?" in S. Shaked and A. Netzer, eds., Irano-Judaica IV, Jerusalem, 1999, pp. 1–64.
- ^ M. Boyce, History of Zoroastrianism. 3V. Leiden: E.J. Brill, 1991. (Handbuch Der Orientalistik/B. Spuler).
- ^ M. Boyce, History of Zoroastrianism. 3V. Leiden: E.J. Brill, 1991. (Handbuch Der Orientalistik/B. Spuler), p. 250.
- ^ G. Gnoli, Zoroaster's time and homeland, Napli, 1980, p. 107.
- ^ G. Gnoli, Zoroaster's time and homeland, Napli, 1980, pp. 99–130.
- ^ Ehsan Yarshater, "Iranian National History," in The Cambridge History of Iran 3(1)(1983), 408–409.
- ^ Yarshater, Ehsan (1984). "Afrāsīāb". Encyclopædia Iranica.
- ^ Khaleghi-Motlagh, Djalal (1984). "Aḡrēraṯ". Encyclopædia Iranica.
- ^ Tafażżolī, Aḥmad (1989). "Bīderafš". Encyclopædia Iranica.
- ^ Tafażżolī, Aḥmad (1986). "Arjasp". Encyclopædia Iranica.
- ^ Mayrhofer, Manfred (1977). Iranisches Personennamenbuch (bil-Ġermaniż). Vol. I/1 – Die altiranischen Namen/Die Avestischen Namen. Vienna: Austrian Academy of Sciences Press. pp. 74f.
- ^ Mark J. (1981). "Iranisches Personennamenbuch". Journal of the American Oriental Society. 101 (4): 466.
- ^ Maas, Michael (2014). The Cambridge Companion to the Age of Attila. Cambridge University Press. p. 284. ISBN 9781316060858.
- ^ Frye, R. (1963). The Heritage of Persia: The pre-Islamic History of One of the World's Great Civilizations. New York: World Publishing Company. p. 41.
- ^ Bosworth, Clifford Edmund (1990). "Central Asia iv. In the Islamic Period up to the Mongols". Encyclopædia Iranica.
- ^ Abi al-Ḥasan Ali ibn al-Ḥusayn ibn Ali al-Masudi (2005). Muruj al-dhahab wa-maadin al-jawhar. Bejrut, il-Libanu: Dar al-Marifah.
- ^ Abel Hovelacque, The Science of Language: Linguistics, Philology, Etymology, p. 144.
- ^ Chevallier, Elisabeth; Lenormant, François (1871). A Manual of the Ancient History of the East. J. B. Lippincott & co. p. 68.
- ^ van Driem, George (2001). Handbuch Der Orientalistik [Handbook of Oriental Studies] (in German). Brill Academic Publishers. pp. 335–336. ISBN 9004120629.
- ^ "Language - Evolution, Acquisition, Structure | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-23.
- ^ "Classification of religions | Principles & Significance | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-23.
- ^ "Ural-Altaic languages | Turkic, Mongolian, Samoyedic | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-23.
- ^ "The Iran and Turan", Anthropological Review 6:22 (1868), p. 286.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Cold Winter Deserts of Turan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-23.