Sit tad-Dolmens ta' Antequera

Id-Dolmen ta' Menga minn ġewwa

Is-Sit tad-Dolmens ta' Antequera huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[1] fl-inħawi ta' Antequera, l-Andalusija, Spanja. Is-sit huwa magħmul minn tliet monumenti kulturali[2], id-Dolmen ta' Menga, id-Dolmen ta' Viera u t-Tholos ta' El Romeral, u żewġ elementi naturali fil-muntanji, Peña de los Enamorados u El Torcal.[3] L-istituzzjoni kulturali responsabbli għall-protezzjoni tas-sit hija s-CADA (bl-Ispanjol: Conjunto Arqueológico Dólmenes de Antequera, bil-Malti: Kumpless Arkeoloġiku tad-Dolmens ta' Antequera).[4]

Sit ta' Wirt Dinji

It-Tholos ta' El Romeral minn ġewwa

Is-Sit tad-Dolmens ta' Antequera ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2016.[1][5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO:

  • Il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem", ladarba d-Dolmen Neolitiku ta' Menga jirrappreżenta wieħed mill-iżjed kapulavuri arkitettoniċi megalitiċi importanti tat-tradizzjoni tal-Atlantiku, b'dimensjonijiet enormi b'pilastri tal-ġebel intermedji li jirfdu sepulkru b'kuritur twil, filwaqt li l-qabar b'għamla ta' xehda tan-naħal jew tholos Kalkolitiku ta' El Romeral jikkomplementa ż-żewġ dolmens bil-kuritur tiegħu u l-koppla falza bil-ġebel mingħajr tkaħħil tat-tradizzjoni Mediterranja.[1]
  • Il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet", ladarba kemm id-Dolmen ta' Menga kif ukoll it-Tholos ta' El Romeral għandhom orjentazzjonijiet anomali. L-arkeoastronomu Michael Hoskin, li studja s-sit, innota li filwaqt li l-assi ta' kważi kull dolmen madwar il-Mediterran huwa orjentat lejn element tas-smewwiet, bħat-tlugħ ix-xemx fl-ekwinozji (bħalma huwa l-każ fid-Dolmen ta' Viera), id-Dolmen ta' Menga huwa orjentat lejn il-qċaċet ta' Peña de los Enamorados. Dawn ifeġġu f'daqqa mill-pjanura u fihom l-għar kenni kontemporanju ta' Matacabras fejn instabu xi pitturi preistoriċi tal-għerien. Min-naħa l-oħra, it-Tholos ta' El Romeral huwa orjentat lejn il-muntanji ta' El Torcal, li fihom l-Għar tal-Barri li huwa orjentat lejn l-art matul is-sena kollha għajr fin-nofsinhar tas-solstizju tax-xitwa meta jkun donnu orjentat lejn ix-xemx. El Torcal huwa notevoli għall-pajsaġġ karstiku tiegħu lejn il-quċċata. Barra minn hekk, it-Tholos ta' El Romeral jinsab tul assi mid-Dolmen ta' Menga sa Peña de los Enamorados. Għaldaqstant, is-Sit tad-Dolmens ta' Antequera flimkien joħolqu pajsaġġ megalitiku uniku permezz tar-rabta tagħhom mal-elementi naturali ta' madwarhom.[1]
  • Il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem", ladarba t-tliet monumenti megalitiċi jirriflettu stadju tal-istorja umana fejn inbnew l-ewwel monumenti ċerimonjali fil-Punent tal-Ewropa, skont iż-żewġ tradizzjonijiet ewlenin ta' kostruzzjoni tal-arti megalitika.[1]
Veduta panoramika tad-Dolmen ta' Menga u Peña de los Enamorados fl-isfond

Ara wkoll

Referenzi