Vladimir Ashkenazy

Vladimir Ashkenazy
direttur mużikali

1996 - 2003
Gerd Albrecht - Zdeněk Mácal
Ħajja
Twelid Nizhny Novgorod, 6 Lulju 1937 (87 sena)
Nazzjonalità Russja
Iżlanda
Familja
Ulied
uri
  • Dimitri Ashkenazy (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater Skola Ċentrali tal-Mużika
Konservatorju ta' Moska
Lingwi Ingliż
Russu
Għalliema Lev Oborin
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni classical pianist (en) Translate
surmast tal-orkestra
kompożitur
pjanist
Premjijiet
List
  • Order of Merit of Berlin Order of Merit of Berlin
    Artis Bohemiae Amicis Medal  (24 Awwissu 2009)
    Queen Elisabeth Competition laureate  (1956)
    honorary doctor of the University of Sydney
    honorary doctor of the Royal College of Music  (2015)
    Sibelius Medal
    Knight Grand Cross of the Order of the Falcon Knight Grand Cross of the Order of the Falcon  (2018)
Moviment artistiku mużika klassika
Strument/i tal-mużika pjanu
Tikketta tar-reġistrazzjoni Decca

Vladimir Davidovich Ashkenazy (bir-Russu: Влади́мир Дави́дович Ашкена́зи, Vladimir Davidovich Ashkenazi; twieled fis-6 ta’ Lulju 1937) huwa pjanista solista, mużiċista u surmast magħruf internazzjonalment. Oriġinarjament huwa mir-Russja u mill-1972 għandu ċittadinanza Iżlandiża. Huwa ilu jgħix fl-Iżvizzera mill-1978. Ashkenazy ikkollabora ma’ orkestri u solisti magħrufin ferm. Barra minn hekk, huwa rreġistra maħżen kbir ta’ xogħlijiet klassiċi u romantiċi. Permezz tar-reġistrazzjonijiet tiegħu ngħata ħames Grammys u l-Ordni tal-Falkun tal-Iżlanda.

Ħajja bikrija

Vladimir Ashkenazy twieled f’Gorky, l-Unjoni Sovjetika (illum Nizhny Novgorod, ir-Russja), iben il-pjanista u l-kompożitur David Ashkenazi u l-attriċi Yevstolia Grigorievna (kunjomha xebba Plotnova). Missieru kien Lhudi u ommu twieldet f’familja Ortodossa Russa. Ashkenazy tgħammed fi knisja Ortodossa Russa.[1] Huwa beda jdoqq il-pjanu meta kellu sitt snin u ġie aċċettat fl-Iskola Ċentrali tal-Mużika meta kellu tmien snin, fejn studja ma’ Anaida Sumbatyan.

Edukazzjoni

Ashkenazy attenda l-Konservatorju ta’ Moska fejn studja ma’ Lev Oborin u ma’ Boris Zemliansky. Huwa rebaħ it-tieni premju fil-Kompetizzjoni Chopin Internazzjonali tal-Pjanu f’Varsavja fl-1955 u l-ewwel premju fil-Kompetizzjoni Mużikali tar-Reġina Eliżabetta fi Brussell fl-1956. Huwa kkondivida l-ewwel premju fil-Kompetizzjoni Tchaikovsky Internazzjonali fl-1962 flimkien mal-pjanista Brittaniku John Ogdon. Bħala student, bħal ħafna f’dak iż-żmien, huwa ġie pedinat mill-KGB biex isir “informatur”. Huwa fil-fatt ma kkooperax, minkejja l-pressjoni mill-awtoritajiet.

Ħajja personali

Ashkenazy flimkien mal-mara tiegħu Þórunn u ibnu l-kbir Vladimir fl-1963

Fl-1961, huwa żżewweġ lill-Iżlandiża Þórunn Jóhannsdóttir, li studjat il-pjanu miegħu fil-Konservatorju ta’ Moska. Sabiex tiżżewweġ lil Ashkenazy, Þórunn ġiet sfurzata ċċedi ċ-ċittadinanza Iżlandiża tagħha u tiddikjara li riedet tgħix fl-Unjoni Sovjetika. Isimha s-soltu jiġi trażlitterat bħala "Thorunn"; il-laqam tagħha huwa Dódý[2], u għalhekk hija magħrufa bħala Dódý Ashkenazy.

Wara diversi proċeduri burokratiċi, l-awtoritajiet Sovjetiċi qablu li l-familja Ashkenazy tkun tista’ żżur il-Punent għal spettakli mużikali u għal żjarat lill-ġenituri ta’ Dódý meta kellhom l-ewwel tifel. Fil-memorji tiegħu, il-mexxej Sovjetiku Nikita Khrushchev semma li Ashkenazy kien iżżewweġ lil mara Ingliża u wara żjara f’Londra rrifjutat li terġa’ lura fl-Unjoni Sovjetika. Khrushchev semma wkoll li Ashkenazy imbagħad talab parir mill-Ambaxxata Sovjetika f’Londra, li rreferiet il-kwistjoni lil Moska. Khrushchev qal li kien tal-fehma li kieku Ashkenazy mar lura fl-Unjoni Sovjetika kien jitqies bħala “Anti-Sovjetiku”. Huwa qal ukoll li dan kien eżempju tajjeb ta’ artist li seta’ jidħol u joħroġ mill-Unjoni Sovjetika liberament, għalkemm Ashkenazy sostna li din kienet "distorsjoni faħxija tal-verità". Fl-1963, Ashkenazy iddeċieda li jitlaq għalkollox mill-Unjoni Sovjetika, u beda jirresjedi f’Londra, fejn kienu jgħixu l-ġenituri tal-mara tiegħu.[3]

Il-koppja marret tgħix fl-Iżlanda fl-1968 u fl-1972 Ashkenazy sar ċittadin Iżlandiż.[4] Fl-1970 huwa għen biex jistabbilixxi l-Festival tal-Arti ta’ Reykjavík; attwalment għadu l-President Onorarju tiegħu.[5][6] Fl-1978 il-koppja u l-erbat it-tfal tagħhom (sa dak iż-żmien - Vladimir Stefan, Nadia Liza, Dimitri Thor, u Sonia Edda) marru jgħixu f’Lucerne, l-Iżvizzera. Il-ħames tifla tagħhom, Alexandra Inga, twieldet fl-1979. Mill-1989, Ashkenazy beda jirresjedi f’Meggen.[7] It-tifel il-kbir tiegħu, Vladimir, li juża l-laqam “Vovka” fuq il-palk, huwa pjanista kif ukoll għalliem fl-Akkademja Internazzjonali tal-Pjanu ta’ Imola. It-tieni iben tiegħu, Dimitri, huwa klarinettista.

Kritika

The Guardian stqarret li Ashkenazy kien surmast b’talent naturali speċjalment fir-rigward ta’ xogħlijiet mużikali ta’ Prokofiev u Glière waqt sensiela ta’ kunċerti li esploraw ir-rispons mużikali għar-Rivoluzzjoni Bolxevika tal-1917, inkluż Iron Foundry (1927) tal-kompożitur Alexander Mosolov u The Red Poppy, żfin klassiku bil-mużika ta’ Glière.[8]

Karriera

Ashkenazy irreġistra repertorju mużikali wiesgħa għall-pjanu, kemm xogħlijiet solisti kif ukoll kunċerti. Fost ir-reġistrazzjonijiet tiegħu hemm:

  • The Well-Tempered Clavier ta’ Bach
  • French Suites ta’ Bach
  • 24 Preludju u Fuga ta’ Shostakovich
  • sonati kompluti ta’ Beethoven
  • sonati kompluti ta’ Scriabin
  • ix-xogħlijiet kompluti għall-pjanu ta’ Rachmaninoff
  • ix-xogħlijiet kompluti għall-pjanu solist ta’ Chopin
  • ix-xogħlijiet (kważi) kompluti għall-pjanu ta’ Schumann

Fost ir-reġistrazzjonijiet tal-kunċerti tiegħu hemm:

  • il-kunċerti kompluti tal-pjanu ta’ Mozart (fejn kien surmast bit-tastiera mal-Orkestra Philharmonia)
  • tliet ċikli ta’ ħames kunċerti ta’ Beethoven
(a) mal-Orkestra Sinfonika ta’ Chicago taħt Sir Georg Solti
(b) ma’ Zubin Mehta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Vjenna
(c) bħala surmast mill-pjanu mal-Orkestra ta’ Cleveland
  • Brahms ma’ Bernard Haitink (Nru 1 mal-Orkestra tal-Concertgebouw; Nru 2 mal-Orkestra Filarmonika ta’ Vjenna)
  • Bartók (ma’ Georg Solti u l-Orkestra Filarmonika ta’ Londra)
  • Prokofiev (ma’ André Previn u l-Orkestra Filarmonika ta’ Londra)
  • żewġ ċikli tal-kunċerti ta’ Rachmaninoff
(a) ma’ André Previn u l-Orkestra Filarmonika ta’ Londra
(b) ma’ Bernard Haitink u l-Orkestra tal-Concertgebouw

Fl-ispettakli pubbliċi bil-pjanu, Ashkenazy kien magħruf li jirrifjuta li jilbes l-ingravata u qmis bil-buttuni u minflok jilbes flokk abjad bl-għonq twil. Barra minn hekk kien iħobb jiġri (mhux jimxi) fuq il-palk u lil hinn mill-palk. Daqq u rreġistra wkoll mużika tal-kamra. Ashkenazy kellu wkoll karriera kollaborattiva tajba, inkluż reġistrazzjoni famuża tas-sonati kompluti ta’ Beethoven bil-vjolin ma’ Itzhak Perlman, kif ukoll is-sonati bil-vjolinċell ma’ Lynn Harrell, u wirjiet bil-pjanu ma’ Harrell u ma’ Perlman f’daqqa.

F’nofs il-karriera internazzjonali tiegħu bil-pjanu, Ashkenazy beda jagħmilha iktar ta’ surmast. Fl-Ewropa, Ashkenazy kien is-surmast prinċipali tal-Orkestra Filarmonika Rjali mill-1987 sal-1994, u tal-Orkestra Filarmonika Ċeka mill-1998 sal-2003. Ashkenazy huwa surmast onorarju tal-Orkestra Philharmonia, surmast onorarju tal-Orkestra Sinfonika tal-Iżlanda, u direttur mużikali tal-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea.[9] F’Lulju 2013 huwa sar direttur tal-Accademia Pianistica Internazionale di Imola, fejn ħa l-post tal-predeċessur u l-fundatur Franco Scala.[10] Ir-reġistrazzjonijiet tiegħu bħala surmast jinkludu ċikli kompluti tas-sinfoniji ta’ Sibelius u ta’ Rachmaninoff, kif ukoll xogħlijiet orkestrali ta’ Prokofiev, Shostakovich, Scriabin, Richard Strauss, Stravinsky, Beethoven, u Tchaikovsky.

Barra mill-Ewropa, Ashkenazy kien direttur mużikali tal-Orkestra Sinfonika NHK mill-2004 sal-2007. Huwa kien is-surmast ewlieni tal-Orkestra Sinfonika ta’ Sydney mill-2009 sal-2013.[11]

Ashkenazy irreġistra għal Decca mill-1963; fl-2013, Decca ċċelebra l-50 anniversarju mat-tikketta diskografika bis-sett “Vladimir Ashkenazy: 50 Years on Decca”, li kien jinkludi 50 reġistrazzjoni ta’ Ashkenazy kemm bħala pjanista kif ukoll bħala surmast. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq snin Ashkenazy, meta għalaq 80 snin, Decca rrilaxxat “Complete Piano Concerto Recordings” u “Ashkenazy on Vinyl” f’Lulju 2017. Ashkenazy deher ukoll f’diversi films ta’ Christopher Nupen dwar il-mużika. Huwa għamel ukoll l-orkestrazzjoni tiegħu stess tax-xogħol mużikali bil-pjanu ta’ Modest Mussorgsky, Pictures at an Exhibition (1982). Kien hemm ukoll CD li ġie prodott bix-xogħlijiet tiegħu bit-titlu “The Art of Ashkenazy”, u ġiet ippubblikata bijografija ta’ Ashkenazy bit-titlu “Beyond Frontiers”.

Fis-17 ta’ Jannar 2020, l-aġenzija tal-ġestjoni tal-artisti Harrison Parrott ħabbret li Ashkenazy irtira.[12]

Premjijiet u rikonoxximenti

  • 1955 Kompetizzjoni Internazzjonali ta’ Chopin bil-Pjanu, Varsavja (it-tieni premju)[13]
  • 1956 Kompetizzjoni Mużikali tar-Reġina Eliżabetta għall-pjanu, Brussell
  • 1962 Kompetizzjoni Internazzjonali ta’ Tchaikovsky, Moska (kondiviż ma’ John Ogdon)
  • 2000 Premju taċ-Ċittadinanza ta’ Hanno R. Ellenbogen, mal-Orkestra Filarmonika Ċeka
  • President attwali tas-Soċjetà ta’ Rachmaninoff
  • 2019 Medalja ta’ Elgar
  • 2014 Premju Internazzjonali ta’ Sergei Rachmaninov
Premju Grammy għall-Aqwa Prestazzjoni ta’ Solista Strumentali (mal-orkestra)
  • 1974 Beethoven: Il-Kunċerti għall-Pjanu (Vladimir Ashkenazy, Sir Georg Solti u l-Orkestra Sinfonika ta’ Chicago)
Premju Grammy għall-Aqwa Prestazzjoni tal-Mużika tal-Kamra
  • 1979 Beethoven: Sonati għall-Vjolin u l-Pjanu (Itzhak Perlman u Vladimir Ashkenazy)
  • 1982 Tchaikovsky: Tlieta bil-Pjanu f’A minuri (Vladimir Ashkenazy, Itzhak Perlman, Lynn Harrell)
  • 1988 Beethoven: Kollezzjoni Kompluta ta’ Tlieta bil-Pjanu (Vladimir Ashkenazy, Itzhak Perlman, Lynn Harrell)
Premju Grammy għall-Aqwa Prestazzjoni ta’ Solista Strumentali
  • 1986 Ravel: Gaspard de la nuit; Pavane pour une infante défunte; Valses nobles et sentimentales
  • 2000 Shostakovich: 24 Preludju u Fuga, Op. 87

Biblijografija

  • Ashkenazy, Vladimir; Parrott, Jasper (1985). Beyond Frontiers. New York: Atheneum. ISBN 0-689-11505-9.

Referenzi

  1. ^ "Who is Vladimir Ashkenazy, and what are his contributions to music? - eNotes.com". eNotes (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-03-22. Miġbur 2021-07-06.
  2. ^ Pathé, British. "Russian Pianist Vladimir Ashkenazy Interviewed". www.britishpathe.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-06.
  3. ^ Khrushchev Remembers, London, 1971, p. 521.
  4. ^ "Vladimir Ashkenazy | Biography & Facts". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-06.
  5. ^ "Organisation — Reykjavík Artfest". archive.ph. 2013-11-04. Miġbur 2021-07-06.
  6. ^ "EFA - Reykjavik Arts Festival - profile - members - European Festivals Association". web.archive.org. 2012-12-31. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-12-31. Miġbur 2021-07-06.
  7. ^ "«Es ist schwer, die Sowjetunion zu vermissen»" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-07-06.
  8. ^ "Philharmonia/Ashkenazy review – thumping Soviet classics pin you to your seat". the Guardian (bl-Ingliż). 2018-03-23. Miġbur 2021-07-06.
  9. ^ "European Union Youth Orchestra". web.archive.org. 2008-04-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-04-20. Miġbur 2021-07-06.
  10. ^ "Musica, Ashkenazy nuovo direttore dell'Accademia pianistica di Imola". la Repubblica (bit-Taljan). 2013-07-15. Miġbur 2021-07-06.
  11. ^ "Maestro's star power a masterstroke for orchestra". The Sydney Morning Herald (bl-Ingliż). 2007-04-12. Miġbur 2021-07-06.
  12. ^ "Vladimir Ashkenazy Retires". HarrisonParrott (bl-Ingliż). 2020-01-17. Miġbur 2021-07-06.
  13. ^ "Międzynarodowy Konkurs im. Fryderyka Chopina". web.archive.org. 2007-04-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-04-14. Miġbur 2021-07-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)