Ravenna

Ravenna
 Italja
Amministrazzjoni
Stat sovranItalja
Region of ItalyEmilia-Romagna
Provinċja tal-ItaljaProvince of Ravenna (en) Translate
Kap tal-Gvern Michele De Pascale (en) Translate
Isem uffiċjali Ravenna
Ismijiet oriġinali Ravenna
Kodiċi postali 48121–48125
Ġeografija
Koordinati 44°24′58″N 12°12′06″E / 44.4161°N 12.2017°E / 44.4161; 12.2017Koordinati: 44°24′58″N 12°12′06″E / 44.4161°N 12.2017°E / 44.4161; 12.2017
Ravenna is located in Italy
Ravenna
Ravenna
Ravenna (Italy)
Superfiċjenti 653.82 kilometru kwadru
Għoli 4 m
Fruntieri ma' Argenta (en) Translate, Bagnacavallo (en) Translate, Bertinoro (en) Translate, Cervia (en) Translate, Cesena (en) Translate, Comacchio (en) Translate, Forlì (en) Translate, Russi (en) Translate, Alfonsine (en) Translateu Province of Forlì-Cesena (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 159,115 abitanti (1 Jannar 2018)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0544
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Speyer (en) Translate, Posadas (en) Translate, Chartres, Chichester (en) Translateu Dubrovnik
comune.ravenna.it

Ravenna (pronunzjata: [raˈvenna] jew lokalment [raˈvɛnna]; bir-Romanjol: Ravèna) hija l-belt kapitali tal-Provinċja ta' Ravenna, fir-reġjun ta' Emilia-Romagna fit-Tramuntana tal-Italja. Kienet il-belt kapitali tal-Imperu Ruman tal-Punent mill-402 sal-waqgħa tal-imperu fl-476. Imbagħad kienet il-kapitali tar-Renju Ostrogotiku sa ma nħakmet mill-ġdid fil-540 mill-Imperu Biżantin. Wara dan iż-żmien, il-belt saret iċ-ċentru tal-Eżarkat Biżantin ta' Ravenna sal-qtil tal-aħħar eżark mil-Longobardi fis-751. Għalkemm hija belt 'il ġewwa mill-baħar, Ravenna hija kkollegata mal-Baħar Adrijatiku permezz tal-Kanal ta' Candiano. Il-belt hija magħrufa għall-arkitettura ppreservata sew tal-aħħar tal-Imperu Ruman u tal-Imperu Biżantin, bi tmien binjiet li jikkostitwixxu Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu "Monumenti Kristjani Bikrin ta' Ravenna".[1]

Storja

L-oriġini tal-isem Ravenna mhuwiex ċert. Uħud jispekulaw li "Ravenna" hija relatata ma' "Rasenna" (jew "Rasna"), li huwa t-terminu li l-Etruski kienu jużaw għalihom infushom, iżda qatt ma ntlaħaq qbil dwar dan fost l-istudjużi.[2]

Era tal-qedem

Il-belt ta' Ravenna fis-seklu 4 W.K. kif tidher fuq il-Mappa ta' Peutinger

L-oriġini tal-belt ta' Ravenna mhumiex ċerti lanqas. Madankollu, l-eqdem evidenza arkeoloġika li nstabet tippermettilna niddataw il-preżenza tal-Umbri f'Ravenna minn tal-inqas mis-seklu 5 Q.K., fejn baqgħu għall-kwiet sas-seklu 3 Q.K., meta bdew isiru l-ewwel kuntatti maċ-ċivilizzazzjoni Rumana. It-territorju tal-belt ġie insedjat ukoll mis-Senoni, speċjalment fil-kampanja fin-Nofsinhar tal-belt (li ma kinitx parti mil-laguna), jiġifieri l-Ager Decimanus. Ravenna kienet tikkonsisti minn djar mibnija fuq puntali fuq sensiela ta' gżejjer żgħar f'laguna mtajna – sitwazzjoni simili għal dik ta' Venezja diversi sekli wara. Ir-Rumani injorawha matul il-ħakma tagħhom tad-delta tax-xmara Po, iżda iktar 'il quddiem aċċettawha fir-Repubblika Rumana bħala raħal federat fid-89 Q.K.[2]

Fl-49 Q.K., Ravenna kienet il-post fejn Ġulju Ċesri ġabar il-forzi tiegħu flimkien qabel il-qsim tax-xmara Rubicone. Iktar 'il quddiem Ottavjanu, wara l-battalja tiegħu kontra Marku Antonju fil-31 Q.K., stabbilixxa l-port militari ta' Classis. Dan il-port, protett fil-bidu bis-swar tiegħu stess, kien stazzjon importanti tal-Flotta Imperjali Rumana. Illum il-ġurnata l-belt hija interkjuża, iżda Ravenna baqgħet port marittimu importanti fuq l-Adrijatiku sal-bidu tal-Medjuevu. Matul il-kampanji militari Ġermaniċi, Thusnelda, l-armla ta' Arminius, u Marbod, ir-Re tal-Marcomanni, kienu ġew ikkonfinati f'Ravenna.[3]

Mużajk tal-Imperatur Ġustinjanu I fil-Bażilika ta' San Vitale, Ravenna

Ravenna gawdiet mill-prosperità taħt it-tmexxija Rumana. L-Imperatur Trajanu bena akkwedott twil 70 kilometru fil-bidu tas-seklu 2 W.K. Matul il-Gwerer tal-Marcomanni, l-insedjaturi Ġermaniċi f'Ravenna rvellaw u rnexxielhom jaħtfu l-belt. Għal din ir-raġuni, Marku Awrelju ddeċieda mhux biss kontra l-wasla ta' iktar Barbari fl-Italja, iżda saħansitra keċċa lil dawk li kienu nġabu hemmhekk qabel. Fl-402 W.K., l-Imperatur Onorju ttrasferixxa l-belt kapitali tal-Imperu Ruman tal-Punent minn Milan għal Ravenna. Dak iż-żmien, il-belt kellha popolazzjoni ta' 50,000 ruħ. It-trasferiment sar parzjalment għal skopijiet difensivi: Ravenna kienet imdawra b'imraġ u b'artijiet bassasa, u kienet meqjusa bħala belt li faċli tiddefendiha (għalkemm fil-fatt il-belt inħakmet mill-forzi tal-għadu diversi drabi fl-istorja tagħha); x'aktarx ukoll li t-trasferiment tal-belt kapitali għal Ravenna kien minħabba l-port tal-belt u l-kollegamenti tajbin bil-baħar mal-Imperu Ruman tal-Lvant. Madankollu, fl-409, ir-Re Alariku I tal-Viżigoti sempliċement qabeż lil Ravenna, u baqa' sejjer jattakka lil Ruma fl-410 u ħa lil Galla Placidia, bint l-Imperatur Teodożju I, bħala ostaġġ.[2]

Wara bosta ħwejjeġ, Galla Placidia reġgħet lura Ravenna ma' binha, l-Imperatur Valentinjanu III, bis-saħħa tal-appoġġ tan-neputi tagħha Teodożju II. Ravenna gawdiet perjodu ta' paċi u matulu r-reliġjon Kristjana ġiet iffavorita mill-qorti imperjali. Dan wassal biex il-belt kisbet uħud mill-iżjed monumenti famużi tagħha, inkluż il-Battisterju Ortodoss, il-Mawżolew ta' Galla Placidia (li fil-fatt mhux mawżolew u effettivament Galla Placidia qatt ma ndifnet hemmhekk), u l-binja ddedikata lil San Ġwann Evanġelista.[2]

Renju Ostrogotiku

Fl-aħħar tas-seklu 5 W.K. seħħ ix-xoljiment tal-awtorità Rumana fil-Punent, u l-aħħar persuna li kellha t-titlu ta' imperatur fil-Punent tneħħiet mill-poter fl-476 mill-Ġeneral Odoacer. Odoacer mexxa bħala r-Re tal-Italja għal 13-il sena, iżda fl-489 l-Imperatur tal-Lvant Zeno bagħat lir-Re tal-Ostrogoti Teodoriku l-Kbir biex jerġa' jaħtaf il-peniżola Taljana. Wara li tilef il-Battalja ta' Verona, Odoacer irtira lejn Ravenna, fejn irreżista għal assedju li dam tliet snin min-naħa ta' Teodoriku, sa meta l-ħakma ta' Rimini ċaħdet lil Ravenna mill-provvisti. Teodoriku ħakem lil Ravenna fl-493, u jingħad li huwa stess qatel lil Odoacer. B'hekk Ravenna saret il-belt kapitali tar-Renju Ostrogotiku tal-Italja. Teodoriku, kompla fil-passi tal-predeċessuri imperjali tiegħu, u bena wkoll bosta binjiet mill-isbaħ f'Ravenna u qrib il-belt, inkluż il-knisja-palazz tiegħu ta' Sant'Apollinare Nuovo, katidral Arjan (issa tal-Ispirtu s-Santu) u l-Battisterju, kif ukoll il-Mawżolew tiegħu stess ftit 'il barra mis-swar tal-belt.

Il-Mawżolew ta' Teodoriku

Kemm Odoacer kif ukoll Teodoriku u s-segwaċi tagħhom kienu Kristjani Arjani, iżda dawn baqgħu jgħixu flimkien b'mod paċifiku mal-Latini, li fil-biċċa l-kbira kienu Kattoliċi Ortodossi. L-isqfijiet Ortodossi ta' Ravenna wettqu diversi proġetti ta' binjiet notevoli, għalkemm l-unika binja li għadha eżistenti hija dik tal-Kappella tal-Arċisqof. Teodoriku ppermetta li ċ-ċittadini Rumani fi ħdan ir-renju tiegħu jkunu soġġetti għal-liġi Rumana u għas-sistema ġudizzjarja Rumana. Il-Goti, sadanittant, għexu skont il-liġijiet u d-drawwiet tagħhom stess. Fil-519, meta rvell wassal biex is-sinagogi ta' Ravenna jingħataw in-nar, Teodoriku ordna li jerġgħu jinbnew għas-spejjeż tal-belt.

Teodoriku miet fil-526 u minfloku laħaq in-neputi żgħir tiegħu Atalarika taħt l-awtorità ta' bintu Amalasunta, iżda sal-535 it-tnejn li huma mietu u l-arblu tar-razza ta' Teodoriku kien irrappreżentat biss minn bint Amalasunta, Matasunta. Diversi mexxejja militari Ostrogoti ħadu f'idejhom ir-Renju tal-Italja, iżda l-ebda wieħed minnhom ma kellu s-suċċess li kellu Teodoriku. Sadanittant, l-Imperatur Biżantin Kristjan Ortodoss, Ġustinjanu I, oppona kemm it-tmexxija Ostrogota kif ukoll il-varjetà Arjana tal-Kristjaneżmu. Fil-535, il-ġeneral tiegħu, Belisarju, invada l-Italja u fil-540 ħakem lil Ravenna. Wara l-ħakma tal-Italja li tlestiet fil-554, Ravenna saret is-sede tal-gvern Biżantin fl-Italja.

Mill-540 sas-600, l-isqfijiet ta' Ravenna wettqu programm ta' binjiet u knejjes notevoli f'Ravenna u qrib il-belt portwali ta' Classe. Fost il-monumenti li għadhom eżistenti hemm il-Bażilika ta' San Vitale u l-Bażilika ta' Sant'Apollinare f'Classe, kif ukoll parti mill-binja ta' San Michele in Africisco.[2]

Eżarkat ta' Ravenna

Wara l-konkwisti ta' Belisarju f'isem l-Imperatur Ruman tal-Lvant Ġustinjanu I fis-seklu 6 W.K., Ravenna saret is-sede tal-gvernatur Biżantin tal-Italja, magħruf bħala l-Eżarka, u saret magħrufa bħala l-Eżarkat ta' Ravenna. Kien għall-ħabta ta' dan iż-żmien li nkitbet il-Kożmografija ta' Ravenna.

Taħt it-tmexxija Biżantina, fis-666, l-arċisqof tal-Arċidjoċesi ta' Ravenna temporanjament ingħata awtoċefalija mill-Knisja Rumana min-naħa tal-imperatur, iżda din malajr ġie revokata. Minkejja dan, l-arċisqof ta' Ravenna kien meqjus fit-tieni post fl-Italja wara l-Papa, u kellu rwol importanti x'jaqdi f'bosta kontroversji teoloġiċi li nqalgħu matul dan il-perjodu.[2]

Medju Evu u Rinaxximent

Mużajk tat-Trasfigurazzjoni ta' Ġesù. Immaġni allegorika tal-Crux gemmata u ħrief li jirrappreżentaw l-appostli, 533–549, fl-apsida tal-Bażilika ta' Sant'Apollinare f'Classe

Il-Longobardi, taħt ir-Re Liutprand, okkupaw il-belt ta' Ravenna fis-712, iżda kellhom jirritornawha lill-Biżantini.[4] Madankollu, fis-751, ir-Re tal-Longobardi, Aistulf, irnexxielu jaħkem lil Ravenna, u b'hekk temm it-tmexxija Biżantina fit-Tramuntana tal-Italja.

Ir-Re Pepin tal-Franki attakka lil-Longobardi skont l-ordnijiet tal-Papa Stiefnu II. Ravenna mbagħad bil-mod il-mod ġiet taħt l-awtorità diretta tal-Papiet, għalkemm dan ġie kkontestat mill-arċisqfijiet diversi drabi. Il-Papa Adrijanu I awtorizza lil Karlu Manju jieħu kull ma xtaq minn Ravenna, u b'hekk kwantità mhux magħrufa ta' kolonni, mużajk, statwi u oġġetti Rumani portabbli oħra ttieħdu lejn it-Tramuntana sabiex jarrikkixxu l-belt kapitali tiegħu ta' Aachen.

Fl-1198, Ravenna mexxiet lega ta' bliet tar-Romagna kontra l-imperatur, u l-Papa rnexxielu jirreżisti. Wara l-gwerra tal-1218, il-familja Traversari setgħet timponi t-tmexxija tagħha fuq il-belt, li damet sal-1240. Wara perjodu qasir taħt it-tmexxija ta' vikarju imperjali, Ravenna ġiet irritornata lill-Istati Papali fl-1248 u mill-ġdid lill-familja Traversari sakemm, fl-1275, il-familja Da Polenta stabbiliet is-sinjorija dejjiema tagħha. Wieħed mir-residenti l-iktar illustri ta' Ravenna dak iż-żmien kien il-poeta eżiljat Dante. L-aħħar wieħed mill-familja Da Polenta, Ostasju III, tilef il-poter fi Frar 1441 bis-saħħa tar-Repubblika ta' Venezja, u l-belt ġiet annessa mat-territorji Venezjani permezz tat-Trattat ta' Cremona.

Ravenna kienet immexxija minn Venezja sal-1509, meta ż-żona tal-madwar ġarrbet invażjoni matul il-Gwerer Taljani. Fl-1512, matul il-gwerer tal-Lega Mqaddsa, ir-rikkezzi ta' Ravenna ġew misruqa mill-Franċiżi wara l-Battalja ta' Ravenna. Ravenna kienet magħrufa wkoll matul ir-Rinaxximent bħala l-post fejn twieled il-Mostru ta' Ravenna.

Wara li l-forzi ta' Venezja rtiraw, Ravenna reġgħet ġiet immexxija minn legati tal-Papa bħala parti mill-Istati Papali. Il-belt ġarrbet ħsarat estensivi minħabba għargħar f'Mejju 1636. Matul it-300 sena ta' wara, network ta' kanali bidlu l-fluss tax-xmajjar fil-qrib u dan wassal għad-drenaġġ tal-artijiet imtajna tal-madwar. B'hekk tnaqqset il-possibbiltà ta' għargħar u twittiet it-triq għal raba' agrikolu għammiel madwar il-belt.

Era moderna

Apparti okkupazzjoni qasira oħra minn Venezja (1527–1529), Ravenna kienet parti mill-Istati Papali sal-1796, meta ġiet annessa mal-istat pupazz Franċiż tar-Repubblika Ċisalpina (ir-Repubblika Taljana mill-1802 u r-Renju tal-Italja mill-1805). Ġiet irritornata lill-Istati Papali fl-1814. Bl-okkupazzjoni min-naħa tat-truppi ta' Piemonte fl-1859, Ravenna u ż-żona tal-madwar fir-Romagna saru parti mir-Renju unifikat il-ġdid tal-Italja fl-1861.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, it-truppi tal-Gwardji tar-Raba' Dragun tal-Prinċipessa Louise u tal-Ħames Diviżjoni Armata Kanadiża, flimkien mas-27 Lanċiera Brittaniċi, daħlu u lliberaw lil Ravenna fil-5 ta' Diċembru 1944. Total ta' 937 suldat tal-Commonwealth li mietu fix-xitwa tal-1944-1945 ġew midfuna fiċ-Ċimiterju tal-Gwerra ta' Ravenna, fosthom 438 Kanadiż.[5] Il-belt ma tantx ġarrbet ħsarat estensivi matul il-gwerra.

Sit ta' Wirt Dinji

Mużajk fl-arkata trijonfali tal-Bażilika ta' San Vitale

Tmien monumenti Kristjani bikrin ġew imniżżla bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[1] Dawn huma:

  • il-Battisterju Ortodoss magħruf ukoll bħala l-Battisterju ta' Neon (għall-ħabta tal-430)
  • il-Mawżolew ta' Galla Placidia (għall-ħabta tal-430)
  • il-Battisterju Arjan (għall-ħabta tal-500)
  • il-Kappella tal-Arċisqof (għall-ħabta tal-500)
  • il-Bażilika ta' Sant'Apollinare Nuovo (għall-ħabta tal-500)
  • il-Mawżolew ta' Teodoriku (520)
  • il-Bażilika ta' San Vitale (548)
  • il-Bażilika ta' Sant'Apollinare f'Classe (549)

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Attrazzjonijiet oħra

Il-mużajk tal-koppla tal-Battisterju Arjan ta' Ravenna

Fost l-attrazzjonijiet l-oħra nsibu:

  • Il-Knisja ta' San Ġwann l-Evanġelista tal-ħabta tas-seklu 5 W.K., li nbniet minn Galla Placidia wara li ħelsitha ħafif minn maltempata fuq il-baħar. Ġiet irrestawrata wara l-bumbardamenti tat-Tieni Gwerra Dinjija. It-torri tal-kampnar fih erba' qniepen, u ż-żewġ qniepen maġġuri jmorru lura għall-1208.
  • Il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu tas-seklu 6 W.K., li ġiet alterata b'mod drastiku mis-seklu 6 'l hawn. Oriġinarjament kienet il-katidral Arjan. Il-faċċata tal-knisja fiha portiku tas-seklu 16 b'ħames arkati.
  • Il-Bażilika ta' San Franġisk, li reġgħet inbniet fis-sekli 10-11 fuq binja preċedenti ddedikata lill-appostli u iktar 'il quddiem lil San Pietru. Wara l-faċċata pjuttost umli tal-brikks, il-bażilika għandha navata u żewġ apsidi. Xi frammenti tal-mużajk mill-ewwel knisja huma viżibbli fuq l-art tal-bażilika, li spiss jitgħattew bl-ilma (flimkien mal-kripta) wara li tinżel xita qliel. Iċ-ċerimonja funebri ta' Dante Alighieri saret hawnhekk fl-1321. Il-poeta huwa midfun f'qabar anness mal-knisja, wara li l-awtoritajiet lokali rreżistew għal sekli sħaħ it-talbiet kollha minn Firenze biex jiġi rritornat il-katavru tal-iżjed eżiljat famuż tagħha.
  • Il-Knisja Barokka ta' Santa Maria Maggiore (525–532; reġgħet inbniet fl-1671). Fiha pittura magħmula minn Luca Longhi.
  • Il-Knisja ta' San Ġwann Battista (1683), bi stil Barokk ukoll, li fiha torri tal-kampnar ta' żmien il-Medjuevu.
  • Il-Bażilika ta' Santa Maria in Porto (tas-seklu 16), b'faċċata rikka tas-seklu 18. Għandha navata u żewġ apsidi, b'koppla għolja. Fiha pittura famuża tal-Madonna Griega, li allegatament inġabet Ravenna minn Kostantinopli.
  • Il-Gallerija Komunali, li fiha diversi xogħlijiet ta' pitturi tar-Romagna.
  • Ir-Rocca Brancaleone ("il-Kastell ta' Brancaleone"), li nbena mill-Venezjani fl-1457. Fl-imgħoddi kien parti mis-swar tal-belt u issa huwa park pubbliku. Huwa maqsum f'żewġ partijiet: il-Kastell proprja u ċ-Ċittadella; din tal-aħħar tkopri 14,000 m2.
  • L-hekk imsejjaħ "Palazz ta' Teodoriku", li fil-fatt huwa d-daħla għall-eks Knisja ta' San Salvatore. Jinkludi mużajk mill-palazz proprju tar-re tal-Ostrogoti.
  • Il-Knisja ta' Sant'Eufemia (tas-seklu 18), tagħti aċċess għall-hekk imsejħa Domus tat-Twapet tal-Ġebel (tas-sekli 6–7): fiha mużajk mill-isbaħ minn palazz Biżantin.
  • Il-Mużew Nazzjonali.
  • Il-Mużew tal-Arċisqof.

Mużika

Kull sena l-belt tospita l-Festival ta' Ravenna, wieħed mill-iżjed festivals prominenti tal-mużika klassika fl-Italja. Ikun hemm spettakli tal-opri fit-Teatru Alighieri, u kunċerti fil-Palazz Mauro de André kif ukoll fil-Bażilika Antika ta' San Vitale u fil-Bażilika ta' Sant'Apollinare f'Classe. Id-direttur mużikali taċ-Chicago Symphony Orchestra, Riccardo Muti, resident li ilu jgħixa long f'Ravenna, jipparteċipa regolarment fil-festival, fejn jiġu mistiedna orkestri u artisti oħra tal-ispettaklu minn madwar id-dinja.

Letteratura

Qabel l-1800
  • Wara li tkeċċa minn Firenze, belt twelidu, Dante qatta' l-bqija ta' ħajtu f'Ravenna, u jsemmi l-belt fil-Canto V tal-Inferno tad-Divina Commedia.
  • Fis-seklu 16 ukoll, Nostradamus jipprovdi erba' profeziji:
    • rigward "għawġ kbir fil-kanal ta' Magnavacca f'Ravenna", ikkawżat minn ħmistax-il sabotatur Franċiż;[6]
    • rigward battalja estiża sa Perugia fejn il-belt teħlisha ħafif;
    • rigward il-ħtif ta' mara "ħdejn Ravenna" u l-ħtif ta' 70 ruħ fuq il-baħar mil-legat ta' Liżbona;
    • rigward it-twelid tat-tielet u l-aħħar Antikrist tal-jasar tas-Slovenja; Ravenna hija waħda minn tlett ibliet b'isem simili.[7]
  • The Witch, reċta ta' Thomas Middleton (1580–1627), ġiet ambjentata f'Ravenna.
Wara l-1800
  • Lord Byron għex f'Ravenna bejn l-1819 u l-1821, fejn sar iħobb żagħżugħa aristokratika miżżewġa lokali, Teresa Guiccioli. Hemmhekk kompla jikteb Don Juan u kiteb Ravenna Diary, My Dictionary u Recollections.
  • Lionel, il-protagonista tan-novella postapokalittika ta' Mary Shelley, The Last Man, jispiċċa mal-kosta f'Ravenna wara li jitlef lil sħabu f'maltempata fil-Baħar Eġew.
  • Oscar Wilde (1854–1900) kiteb poeżija jisimha Ravenna fl-1878.[8]
  • Is-simbolista u poeta liriku Alexander Blok (1880–1921) kiteb poeżija li jisimha Ravenna (Mejju–Ġunju 1909) ispirata mill-vjaġġ tiegħu fl-Italja (rebbiegħa tal-1909).
  • Matul il-vjaġġi tiegħu, il-poeta u l-filosfu Ġermaniż Hermann Hesse (1877–1962) għadda minn Ravenna u ispira ruħu biex jikteb żewġ poeżiji dwar il-belt li jisimhom Ravenna (1) u Ravenna (2).
  • T. S. Eliot (1888–1965) kiteb poeżija bil-Franċiż "Lune de Miel" li tiddeskrivi koppja minn Indiana fil-qamar il-għasel tagħhom li kienu reqdin mhux wisq 'il bogħod mill-Bażilika antika ta' Sant'Apollinare f'Classe (ftit 'il barra minn Ravenna), famuża għall-kapitelli mnaqqxin tal-kolonni tagħha, b'weraq tal-ħannewija minfuħa bir-riħ, b'kuntrast ma' weraq wieqaf fuq kolonni simili f'inħawi oħra.
  • J.R.R. Tolkien (1892–1973) jaf ibbaża l-belt tiegħu ta' Minas Tirith mill-inqas parzjalment fuq Ravenna.[9]

Films

Michelangelo Antonioni ġibed il-film tal-1964 tiegħu, Deserto Rosso (Deżert Aħmar) fiż-żoni industrijalizzati tal-wied ta' Pialassa.

Trasport

Ravenna għandha port kummerċjali u turistiku importanti.

L-istazzjon ferrovjarju ta' Ravenna għandha servizz dirett ta' Trenitalia lejn Bologna, Ferrara, Lecce, Milan, Parma, Rimini, u Verona.

L-Ajruport ta' Ravenna jinsab proprju f'Ravenna. L-eqreb ajurporti kummerċjali huma dawk ta' Forlì, Rimini u Bologna.

Fost l-awtostradi li jgħaddu minn Ravenna hemm: l-A14-bis miċ-ċentru ta' Bologna; fuq l-assi Tramuntana–Nofsinhar tar-rotot tal-Unjoni Ewropea, ir-rotot E45 minn Ruma u l-E55 jew l-SS-309 "Romea" minn Venezja; u fuq l-assi reġjonali Ferrara-Rimini, l-SS-16 (parzjalment imsejħa l-"Adrijatika").

Parks tad-Divertiment

  • Mirabilandia
  • Safari Ravenna

Ġemellaġġ

Ravenna hija ġemellata ma':[10]

Sport

Il-klabb tal-futbol tradizzjonali tal-belt huwa r-Ravenna F.C. Attwalment jilgħab fit-tielet diviżjoni tal-futbol Taljan, is-Serie C.

L-A.P.D. Ribelle 1927 huwa l-klabb tal-futbol ta' Castiglione di Ravenna, raħal li jinsab fin-Nofsinhar ta' Ravenna, u ġie stabbilit fl-1927. Attwalment jilgħab fir-raba' diviżjoni tal-futbol Taljan, is-Serie D, wara l-promozzjoni mir-Rawnd B tad-diviżjoni tal-Eccellenza Emilia-Romagna fl-istaġun 2013–2014. Il-president tal-klabb huwa Marcello Missiroli u l-kowċ huwa Enrico Zaccaroni. Il-grawnd tal-klabb jissejjaħ Stadio Massimo Sbrighi u jesa' 1,000 ruħ. Il-kuluri tat-tim huma l-abjad u l-blu.

F'Settembru 2011, fuq il-bajjiet ta' Ravenna, ġiet ospitata t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-Futbol fuq il-Bajja.

Nies notevoli

  • Valentinjanu III (419-455), imperatur Ruman
  • Matteo Plazzi, baħri Taljan
  • Laura Pausini (twieldet fl-1974), kantanta u kantawtriċi pop Taljana, produttur tad-diski u personalità televiżiva
  • Raul Gardini (1933-1993), negozjant Taljan
  • Franco Manzecchi (1931-1979), mużiċista Jazz li jdoqq it-tnabar
  • Andrea Montanari (twieled fl-1965), sprinter Taljan
  • Arcangelo Corelli (1653-1713), vjolinist u kompożitur Barokk
  • Luigi Legnani (1790-1877), kitarrista u mużiċista li jdoqq il-ljut
  • Tullio Bassi (twieled fl-1937), produttur tal-vjolini Taljan
  • Peter Damian (għall-ħabta tal-988-1072 jew 1073), qaddis u kardinal Kattoliku
  • Francesco Ingoli (1578-1649), xjenzat, avukat u analizzatur ta' Galileo
  • Francesca da Rimini (1255-għall-ħabta tal-1285), persuna storika
  • Guido I da Polenta (miet fl-1310), lord ta' Ravenna
  • Francesco Baracca (1888-1918), il-bdot ewlieni tal-fighters tal-Italja fl-Ewwel Gwerra Dinjija
  • Federico Caricasulo (twieled fl-1996), motoċiklista professjonali
  • Marco Melandri (twieled fl-1982), motoċiklista professjonali
  • Davide Tardozzi (twieled fl-1959), motoċiklista professjonali u maniġer ta' tim tas-Superbike
  • Ivano Marescotti (twieled fl-1946), attur
  • Amadeus (twieled fl-1962), preżentatur televiżiv
  • Romolo Gessi (1831-1881), esploratur
  • Romuald (għall-ħabta tad-951-għall-ħabta tal-1025/1027), superjur tal-qassisin u fundatur tal-Ordni Camaldolese
  • Marco Dente (1493-1527), inċiżur
  • Paolo Roversi (twieled fl-1947), fotografu tal-moda
  • Angelo Mariani (1821-1873), konduttur
  • Giuseppe Vitali (1875-1932), matematiku
  • Evangelista Torricelli (1606-1647), fiżiku u matematiku
  • Federico Marchetti (twieled fl-1969), negozjant u fundatur ta' YOOX
  • Gianluca Costantini (twieled fl-1971), artist
  • Luigi Legnani, mużiċista u kompożitur
  • Luigi Rossini (1790-1857), artist
  • Alex Majoli (twieled fl-1971), fotografu

Iktar qari

  • Cameron, Averil. "Ravenna: Capital of Empire, Crucible of Europe." History Today. pp 94–97.
  • Janet Nelson, Judith Herrin, Ravenna: its role in earlier medieval change and exchange, London, Institute of Historical Research, 2016, ISBN 9781909646148.

Referenzi

Preview of references

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Early Christian Monuments of Ravenna". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-08.
  2. ^ a b ċ d e f Deborah M. Deliyannis, Ravenna in Late Antiquity (Cambridge University Press, 2010)
  3. ^ Mascanzoni, Leardo (1990). Ravenna: Una storia millenaria (in Italian). Giunti Barbera Editore. pp. 3–50.
  4. ^ Noble, Thomas F. X. (1984). The Republic of St. Peter: The Birth of the Papal State, 680–825. Philadelphia, Pennsylvania: University of Pennsylvania Press. ISBN 0-8122-1239-8.
  5. ^ Canada, Veterans Affairs (2021-06-23). "Canada - Italy 1943-1945 - The Second World War - History - Remembrance - Veterans Affairs Canada". www.veterans.gc.ca. Miġbur 2022-02-10.
  6. ^ Jones, Tom (2012). Nostradamus. Pittsburgh, PA: Dorrance Publishing. ISBN 9781434918239.
  7. ^ Reading, Mario (2009). The Complete Prophesies of Nostradamus. London: Watkins Publishing. ISBN 9781906787394.
  8. ^ "Ravenna / Wilde, Oscar". www.infomotions.com. Miġbur 2022-02-10.
  9. ^ "Tolkien's annotated map of Middle-earth discovered inside copy of Lord of the Rings". the Guardian (bl-Ingliż). 2015-10-23. Miġbur 2022-02-10.
  10. ^ "Gemellaggi" (bit-Taljan). Miġbur 2022-02-10.